Ġie konkluż b’mod definittiv il-proċess tax-xiri mill-Gvern tas-sede tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen, f’Birżebbuġa, b’investiment totali ta’ €1,100,000.
Din il-proprjetà tingħaqad ma’ sitt binjiet oħrajn użati minn soċjetajiet mużikali, li nxtraw mill-Gvern fl-aħħar żmien proprju biex isalva u jsostni l-festi f’pajjiżna.
Fl-aħħar xhur saru konvenji u kuntratti għax-xiri tas-sede s-Soċjetà Mużikali Marija Reġina tal-Marsa, dik tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule f’Raħal Ġdid u dik tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris f’Tas-Sliema.
Meta wieħed iqis l-ammont li diġà ġie investit fix-xiri tas-seba’ proprjetajiet u l-ammont li jrid jinħareġ għal ħames proprjetajiet oħrajn f’riskju u li għad irid isir kuntratt finali dwarhom, il-Gvern mistenni li jkun investa total ta’ dsatax-il miljun ewro.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, spjega kif il-Gvern ħa l-inizjattiva biex isalva dawn is-soċjetajiet mużikali li kienu f’riskju serju ta’ żgombrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995 u ddeskriviha bħala waħda importanti mmens għat-tisħiħ tas-settur kulturali.
Qal, “Li se jiġri hu li se jiskatta proċess fejn is-sid tal-kera se jkun il-Kunsill tal-Arti, permezz ta’ kumitat apposta, forsi nimxu id f’id mas-soċjetà mużikali nnifisha biex inkomplu naraw li issa li din is-soċjetà ġiet salvata li l-periklu li jispiċċaw barra m’għadux hemm, issa hemm is-serħan il-moħħ għall-futur ta’ din is-soċjetà. Din is-soċjetà, bħas-soċjetajiet oħrajn, ikomplu jikbru u jiffjorixxu għax aħna rridu aktar kultura fil-futur tagħna.”
l-Ministru tenna jgħid kemm hu kruċjali li dawn is-soċjetajiet mużikali jibqgħu jiffunzjonaw u jibqgħu aċċessibbli għall-komunitajiet rispettivi tagħhom.