L-ewwel jum ta’ Ottubru kienet ġurnata importanti għall-Banda 12th May ta’ Ħaż-Żebbuġ, hekk kif il-proprjetà li minnha topera s-soċjetà b’valur ta’ seba’ mija u ħamsa u erbgħin elf ewro, issa għaddiet f’idejn il-Gvern.
Dan l-aħħar akkwist jikkonkludi wkoll kulanna ta’ 12-il kuntratt simili ta’ każini ta’ soċjetajiet mużikali li l-Gvern daħal għalihom, wara li kienu f’periklu imminenti li jiġu żgombrati mill-Qorti, bil-possibbiltà li anke jispiċċaw darba għal dejjem.
Minflok, il-Gvern investa b’kollox total ta’ dsatax-il miljun ewro fix-xiri tal-istess proprjetajiet, bil-għan ewlieni li l-għaqdiet mużikali jibqgħu jiffunzjonaw fis-soċjetà, waqt li jkollhom is-serħan tal-moħħ għaż-żmien li ġej, waqt li issa bdew jikru l-każini tagħhom direttament mill-Gvern, skont ftehim iffirmat bejniethom.
Din id-deċiżjoni salvat ukoll parti sew mit-tradizzjoni Maltija, ladarba jikkontribwixxu qatigħ għall-festa Maltija, li issa hi wkoll rikonoxxuta mill-UNESCO bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li s-soċjetajiet mużikali fl-irħula u l-ibliet tagħna għandhom rwol kruċjali fit-trawwim tal-iżvilupp kulturali u l-progress soċjali fost il-familji.
Hu qal li ħafna drabi l-persuni attivi fi ħdan is-soċjetajiet mużikali jixprunaw l-inizjattivi li jippromwovu l-arti, l-edukazzjoni, il-konservazzjoni ambjentali u l-ġid soċjali fid-diversi komunitajiet.