Il-Gvern ikkonkluda x-xiri ta’ tliet proprjetajiet oħrajn ta’ soċjetajiet mużikali. Dawn huma s-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara u s-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonnici. Hawnhekk ġie spjegat li dawn it-tliet soċjetajiet kienu wkoll f’riskju mill-aktar serju ta’ żġombrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-kera ta’ qabel l-elf disa’ mija ħamsa u disgħin.
Il-każin f’Ħ’Attard ġie akkwistat permezz ta’ investiment ta’ miljun u mitt elf ewro, waqt li s-sede fil-Kalkara ġiet akkwistata wara investiment ta’ tliet kwarti ta’ miljun ewro. Dan filwaqt li l-investiment fuq il-każin f’Birkirkara kien ta’ erba’ miljuni u nofs ewro, b’dan l-ammont jinkludi l-pre-likwidazzjoni u l-ħlas ta’ danni legalment meqjusa li huma dovuti u spejjeż oħrajn, inklużi dawk legali.
B’dan ifisser li issa telgħu għal ħamsa l-ammont ta’ każini tal-banda li ġew akkwistati mill-Gvern permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, wara dawk tas-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid u tas-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema, li seħħew is-sena l-oħra.
Intqal ukoll li hemm sitt soċjetajiet oħrajn li l-Ministeru daħal f’konvenju mas-sidien tas-sede tagħhom, li meta jsiru dawn l-akkwisti, l-investiment ikun ta’ aktar minn sittax-il miljun ewro.
Il-Ministru Bonnici sostna li l-għan ewlieni ta’ dan l-investiment hu li l-Gvern isalva dawn il-każini u jkunu jistgħu jkomplu jintużaw.
“Aħna għandna obbligu li nieħdu ħsieb dawn il-festi u l-aktar mod li tieħu ħsieb hu li taċċerta ruħek li s-soċjetajiet mużikali ma jkunux żġombrati barra mis-sede tagħhom minħabba sitwazzjonijiet purament legali li jkollu matul is-snin. Aħna llum ħabbarna li xtrajna b’mod definittiv tliet soċjetajiet mużikali oħrajn, fejn issa għandna serħan il-moħħ għal dawn is-soċjetajiet biex ikomplu jagħmlu x-xogħol importanti li huma jwettqu.”
ONE News ħa r-reazzjoni ta’ membri mit-tliet soċjetajiet mużikali, li kollha saħqu magħna li dan l-investiment jagħti s-serħan il-moħħ, li għandhom post permanenti minn fejn joperaw.
“Dan ifisser ħolma kbira li s-soċjetà tagħna kienet qed issofri tul l-aħħar snin li issa saret realtà. Il-fatt li għandna proprjetà hi assigurata, lilna ħa tagħtina permanenza u ħa tagħtina identità fix-xogħol li nagħmlu u issa nafu li din il-proprjetà, dak li ħa ninvestu fiha se jibqa’ tagħna.”
“Għas-soċjetà tagħna hu serħan il-moħħ, għax issa l-premises tagħna għandna rasna mistrieħa li nistgħu nkomplu nużawhom għat-tagħlim tal-mużika, nistgħu nkomplu nużawhom ukoll għall-voluntieri li jattendu l-bottegin, jgħinuna fl-armar u b’hekk rasna mistrieħa li nistgħu nkomplu nkunu ta’ ġid għall-komunità tagħna.”
“Illum, b’dan il-kuntratt li l-Gvern għamel mas-sidien, serraħna rasna darba għal dejjem, għax ovvjament bilkemm tkun tista’ torqod, għax dejjem int moħħok li għad jiġi xi żmien minħabba żġombrament u issa din illum issa spiċċat.”
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, u ċ-Chairman tal-Akkwisti Każini, James Pearsall.