Il-Gvern permezz tal-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli talab lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia biex jittieħdu miżuri li jirriżultaw xierqa fil-konfront tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar artiklu b’lingwaġġ u sterjotipi li jmorru kontra l-politika tal-Gvern favur l-ugwaljanza.
Fi stqarrija, il-Ministru ppubblikat ittra mibgħuta lill-Ispeaker li tirrimarka li waqt li l-Gvern jifhem li l-uffiċċju tal-Ombudsman huwa awtonomu mill-Gvern, l-Ombudsman huwa wkoll uffiċjal tal-Parlament u għalhekk deherlu li għandu jiktiblu biex iqajjem dan il-każ mal-istess uffiċċju.
Il-Ġimgħa li għadda, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman Charles Caruana Carabez kiteb artiklu f’The Times taħt it-titlu The Foibles of Women li ġab kritika qawwija mill-Konfederazzjoni Maltija tal-Għaqdiet tan-Nisa li ddeskrivewh bħala wieħed offensiv.
Il-Konfederazzjoni qalet li l-artiklu tas-Sur Caruana Carabez jiżvela b’mod ċar li huwa ppreġudikat bil-kbir kontra n-nisa u fuq kollox ma jqishomx fl-istess livell mal-irġiel iżda bħala kreaturi difettużi. Qalet li persuna bħas-Sur Caruana Carabez ma jistax jiġġudika każijiet li jiġu quddiemu b’mod ġust u imparzjali.
Intant fl-ittra tagħha, il-Ministru Dalli qalet li l-politika tal-Gvern hija ċara u inekwivoka favur l-ugwaljanza u li ma taqbilx ma’ stereotipi jew diskriminazzjoni.
Qalet li persuni f’karigi pubbliċi huma mistennija li jkunu ta’ eżempju għas-soċjetà u li b’għemilhom għandhom jippromwovu l-libertà u l-ugwaljanza ta’ kull wieħed u waħda minnha. Madankollu qalet l-Gvern innota bi tħassib u dispjaċir li l-artiklu jinkludi lingwaġġ li jmur kontra l-politika tal-Gvern u kien għalhekk li talbet lill-Ispeaker biex jittieħdu l-miżuri li jirriżultaw xierqa.