Il-Gvern se jitlob biex jintervjeni fil-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, flimkien ma’ Adrian Delia, dwar l-isptarijiet.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, u s-Segretarju Parlamentari, Andy Ellul, hekk kif ġie spjegat li dan qed isir biex jiġi protett l-interess nazzjonali.
Fil-fatt, il-Ministru Attard iddeskriva l-kawża tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Adrian Delia bħala waħda perikoluża għas-separazzjoni tal-poteri f’pajjiżna u li qed tippreġudika l-pożizzjoni ta’ Malta.
B’hekk ġie sostnut li l-kawża ma hi xejn għajr spalla għall-kawża ta’ Steward u l-Oppożizzjoni għandha twieġeb għaliha.
“Jekk kemm-il darba l-Qorti takkorda dik it-talba, il-Gvern se jkun f’pożizzjoni li jista’ jagħmel is-sottomissjoni tiegħu u jressaq il-provi tiegħu u jiddefendi l-pożizzjonijiet tiegħu fil-konfront tat-talbiet li qed isiru mill-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Oppożizzjoni speċifikament.”
Tul il-konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Aragona, saret referenza wkoll għar-risposta tal-Avukat tal-Istat għall-istess kawża, li ddaħħlet l-Erbgħa, wara li l-Qorti ċaħdet ukoll li tinstema’ b’urġenza.
Fost oħrajn, filwaqt li ddeskriva din il-kawża bħala waħda nieqsa mid-dritt u mill-fatti, l-Avukat tal-Istat Chris Soler sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien lest jieħu ġurament falz u jipprova jiżgwida b’mod strateġiku lill-Qorti fuq sejbien ta’ xi “fatti” fil-każ, li l-Qorti tal-Appell assolutament ma sabitx u mhemm ebda deċiżjoni dwarhom.
Kien għalhekk li, skont l-Avukat tal-Istat, Grech u Delia talbu li s-sentenza tiġi riformulata.
L-Avukat tal-Istat saħaq ukoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni u Adrian Delia m’għandhomx dritt quddiem il-Qorti biex imexxu b’din l-azzjoni ġudizzjarja.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Andy Ellul, sostna li, b’din il-kawża, l-Oppożizzjoni qed tagħmel ballun politiku mill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Għalhekk Ellul tenna li Bernard Grech għandu jwieġeb hu stess dwar azzjonietu hekk kif issa qed jippreġudika wkoll l-interess ta’ pajjiżna fil-proċess ta’ arbitraġġ internazzjonali li għaddej bħalissa.
“Manuvri perikolużi fejn qed jipprovaw jimminaw anke l-istabilità tal-istituzzjonijiet tagħna, fosthom din il-kawża fejn qed titlob lill-Qorti teżerċita poter li m’għandhiex biex tawtorizza lill-Avukat tal-Istat jeżerċita poter li lanqas hu m’għandu u allura dawn il-mossi jiena ngħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni niżel fl-aktar livell baxx fl-istorja politika ta’ pajjiżna.”