Fit-tielet laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, ir-rappreżentanti tal-Gvern laqgħu tajjeb ir-ruling tal-Ispeaker li għandu jkun il-Kumitat innifsu li jiddeċiedi min għandhom ikunu x-xhieda li jitressqu quddiemu. Dan seħħ fid-dawl tal-fatt li l-Oppożizzjoni riedet lista ta’ erbgħa u tmenin xhud biex jibdew jitressqu quddiem il-Kumitat.
Għaldaqstant, filwaqt li affermaw li m’għandhom l-ebda problema biex jisimgħu lil kwalunkwe xhud, sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-ħidma ta’ dan il-Kumitat ir-rappreżentanti tal-Gvern talbu li kull xhud għandu jkun rilevanti u jissodisfa erba’ kriterji.
Dawn huma li x-xhud jkun jista’ jixhed b’mod dirett fuq il-kontenut tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Electrogas, li x-xhud ikun jissemma fir-rapport imsemmi, li jkun ġie avviċinat mill-Awditur Ġenerali, u li jkun jirrispetta l-proċeduri tal-Kumitat Parlamentari.
B’hekk f’din il-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi ġie maqbul li ż-żewġ naħat tal-Kamra se jalternaw fil-preżentazzjoni tax-xhieda bejn seduta u oħra, bl-Oppożizzjoni tressaq l-ewwel grupp ta’ xhieda.
Ir-rappreżentanti tal-Gvern oġġezzjonaw għal-insistenza tal-Oppożizzjoni li l-Kummissarju tal-Pulizija jittella’ jixhed u jiġi mistoqsi dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Skont l-istanding orders tal-Parlament, din mhix funzjoni tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi. L-Oppożizzjoni talbet ruling dwar dan.
Fl-istess laqgħa l-Gvern għażel li, aktar tard, jibda jiġi diskuss rapport ieħor maħruġ mill-Awditur Ġenerali f’Diċembru tal-2020, dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri f’Malta biex jittaffa l-faqar.