Il-Gvern iddikjara li lest jieħu l-miżuri legali kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jipproteġi l-interessi tal-kumpanija Air Malta u l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Fi stqarrija tard il-Ħadd filgħaxija, il-Gvern kompla jappella lill-unjin tal-bdoti biex jingħalaq il-ftehim kollettiv li joffri żidiet fil-pagi u huwa wkoll ġust.
Il-Gvern qal li għandu viżjoni ċara għal-linja nazzjonali tal-ajru u għalhekk ta bidu għal strateġija ta’ tkabbir tal-linja tal-ajru bil-għan li tkun il-linja tal-ajru tal-Mediterran.
Qal li f’dawn l-aħħar xhur, il-Gvern ħadem sabiex jiffirma l-ftehimiet kollettivi kollha ma’ kull sezzjoni tal-linja tal-ajru nazzjonali. Fil-fatt, s’issa ġew iffirmati erba’ ftehim kollettivi u jonqos biss il-ftehim kollettiv mal-piloti.
Tenna li l-Gvern mhu ser iħalli lill-ħadd itellfu milli jsalva l-linja tal-ajru li hija pilastru ewlieni u importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Irrefera għat-twaqqif tal-kumpanija Malta Air Travel bil-għan li jiġi rrealizzat il-valur tad-drittijiet tal-inżul, filwaqt li l-Air Malta tibqa’ tibbenefika minnhom fl-opert tagħha permezz ta’ kuntatt fit-tul. Qal li dan ifisser li l-Air Malta ser tibqa’ topera dawn it-titjiriet filwaqt li l-Gvern iżomm il-kontroll assolut u esklussiv ta’ dawn id-drittijiet bħala patrimonju tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Gvern sostna li l-impenn tiegħu jibqa’ li l-Air Malta tibqa’ l-linja nazzjonali tal-ajru tagħna u li l-impjieg tal-impjegati tagħha jiġi ssalvagwardjat. Saħaq li l-Air Malta għandha rwol importanti għas-settur tat-turiżmu, għan-negozji, kif ukoll għandha funzjoni soċjali.