Il-Gvern saħaq li llum l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tgħid bil-kontra ta’ dak li kienet tgħid qabel dwar li Malta m’għandhiex bżonn impjant ieħor għall-ġenerazzjoni tal-elettriku.
“Illum jidher li mhux talli l-Partit Nazzjonalista rrikonoxxa dan il-bżonn, iżda qed jgħid ukoll li Malta għandha bżonn sors addizzjonali ta’ enerġija”, saħqet stqarrija maħruġ mill-Ministeru tal-Enerġija.
Il-Gvern spjega kif pajjiżna llum għandu tliet sorsi ta’ enerġija – l-enerġija rinovabbli, il-produzzjoni tal-elettriku mill-power stations f’Delimara u l-interconnector.
“F’dan il-kuntest, l-interconnector, filwaqt li jipprovdi flessibilità addizzjonali fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, mhux dejjem jipprovdi l-irħas u l-iktar enerġija nadifa”, spjega l-Gvern.
Il-Gvern saħaq li l-operat tal-interconnector wera li din it-teknoloġija hija suxxettibli għal inċidenti, bħal ma ġara bil-ħsarat li seħħew fl-aħħar ġimgħat meta l-interconnector ġarrab ħsarat li se jdumu ġimgħat biex jissewwew.
“Għaldaqstant, huwa importanti li t-taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija li tuża Malta tkun ibbażata fuq numru ta’ riżorsi”, irrimarka l-Gvern li qal ukoll li riżultat tat-tkabbir ekonomiku teżisti żieda fid-domanda għall-enerġija.
Il-Gvern saħaq li deċiżjonijiet bħal dawn ma jistgħu qatt jittieħdu bla pjan serju u fit-tul.
“Meta ttieħdu d-deċiżjonijiet bl-addoċċ, spiċċajna xtrajna power station li taħdem bil-heavy fuel oil”, saħqet l-istqarrija tal-Ministeru tal-Enerġija.
Għall-iskop ta’ ppjanar serju, ġie kkummissjonat studju komprensiv biex jidentifika l-aħjar sorsi li l-pajjiż għandu juża fis-snin li ġejjin, filwaqt li jikkunsidra aspetti tekniċi, ekonomiċi u ta’ sigurtà fil-provista.
L-esperti li tqabbdu huma mistennija jipprovdu l-konklużjoni tagħhom matul din is-sena u, wara dan, il-Gvern ikun f’pożizzjoni aħjar biex jikkonsulta u jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji b’mod għaqli.
Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ dan is-settur se jkompli jieħu inkonsiderazzjoni l-bżonn li Malta tilħaq il-miri tagħha Ewropej biex jitnaqqas il-karbonju fl-arja.
L-istqarrija fakkret li dwar il-ħsarat li seħħew riċentament fl-interconnector, qed isiru l-investigazzjonijiet neċessarji biex tiġi determinata l-ħsara li saret.