Il-Gvern irtira uffiċjalment l-Abbozzi ta’ Liġi proposti dwar l-Edukazzjoni wara li l-Unjin tal-Għalliema qalet li se tibqa’ għaddejja bl-istrajk ta’ nhar it-Tnejn minkejja r-rieda tajba tal-Gvern.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li kiteb ittra lill-Parlament, fejn talab li l-abbozzi ta’ liġi proposti dwar l-edukazzjoni jkunu rtirati b’mod immedjat. Mill-ġdid, il-Gvern reġa’ appella lill-MUT biex tirtira l-istrajk ippjanat għat-Tnejn.
Il-Ministru Bartolo appella għall-kalma u għal rieda tajba mill-partijiet kollha nvoluti, iżda assigura li tkun xi tkun id-deċiżjoni tal-għalliema, il-Gvern se jirrispettaha u jiddefendiha.
L-Unjin tal-Għalliema l-MUT ordnat strajk ta’ ġurnata għal nhar it-Tnejn li ġej fl-iskejjel u fl-istituzzjoijiet edukattivi kollha tal-Gvern, tal-Knisja u dawk indipendenti.
L-azzjoni industrijali tħabbret fi stqarrija, il-Ġimgħa waranofsinhar wara laqgħa ta’ konċilazzjoni li ntalbet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Id-direttiva tal-istrajk wasslet minkejja li l-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li l-Gvern aċċetta t-talbiet kollha tal-MUT u li kien lest li jissospendi l-liġi l-ġdida tal-Edukazzjoni bħala ġest ta’ rieda tajba li kienet qed toħloq ħafna mistoqsijiet minħabba interpretazzjoni skorretta.
Dr Muscat żied jgħid li dan il-ġest kien qed iseħħ minkejja li l-oġġezzjonijiet li bdiet titkellem dwarhom l-MUT, fosthom il-kwistjoni tal-warrants, ma ssemmew qatt tuil il-proċess ta’ konsultazzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-Gvern kien lest jimxi t-triq kollha sabiex jinstab kompromess u nevitaw inkwiet żejjed fil-qasam edukattiv.
Il-Ministru Bartolo tenna li l-liġi proposta ma tneħħi l-warrant lil ħadd u ma ddaħħal testijiet ta’ kull sena lil ħadd.