Iz-zjara tal-Prim Ministru fl-Istati Uniti kienet iffukata fuq li jinġab aktar xogħol lejn pajjiżna u investiment ġdid għal pajjiżna f’oqsma ġodda tal-ekonomija bħal ma huma servizzi Fintech, kumpaniji ta’ assikurazzjoni, prospetti ta’ banek ġodda f’Malta u anke servizzi innovattivi f’oqsma diversi ta’ servizzi finanzjarji.
Saret ukoll ħidma biex jiġu attirati aktar banek li joffru servizzi ta’ correspondent banking lejn pajjiżna, fid-dawl ta’ policies imposti fuq banek Amerikani fl-aħħar snin u li ma għandhom x’ jaqsmu xejn ma’ pajjiżna.
Fi stqarrija, l-Gvern spjega li din hija kwistjoni li ilha sejra minn taħt il-Gvern ta’ qabel. Saru sforzi mill-Gvern ta’ qabel li ma wasslux għal riżultati. Dan il-Gvern qed jaħdem biex jasal għal riżultati.
Biżżejjed infakkru li sa ftit gimghat ilu sar investiment enormi f’pajjiżna f’bank lokali mill-grupp Al Faisal. Is-settur tal-banek f’pajjiżna huwa sod u għax pajjiżna għandu ekonomija miexja tajba, qed jaslu riżultati u se jkomplu jaslu riżultati aħjar anke permezz ta’ din iż-żjara fl-Istati Uniti.
Dawn ir-riżultati żgur ma jaslux bi stqarrija irresponsabbli u miżinfurmata bħal dik maħruġa llum mill-Oppożizzjoni.
Il-Gvern fisser li jekk trid tkun serja, l-Oppożizzjoni għandha tikkonfronta din l-informazzjoni żbaljata mar-regolatur, li kien appuntat anke minn amministrazzjonijiet preċedenti, u li għandha aċċess liberu għalih. Is-serjeta’ tkun titlob li wara li tagħmel hekk, tikkoreġi din l-informazzjoni żbaljata.