Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, il-Gvern irreġistra surplus ta’ €97 miljun. B’dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatiska, l-NSO.
Dan kien l-aqwa riżultat finanzjarju li qatt kien osservat għall-ewwel għaxar xhur tas-sena mindu bdiet tinġabar din l-istatistika. Kien biss fl-2017, li ġie rreġistrat surplus sa Ottubru.
B’kuntrast fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista, id-defiċit sa Ottubru kien laħaq €323 miljun. Imma l-agħar riżultat qatt osservat kien fl-ewwel għaxar xhur tal-2009, meta d-defiċit kien jammonta it-€328 miljun.
Fl-istess perjodu s-sena l-oħra kien hemm defiċit ta’ €156 miljun. Dan ifisser titjib ta’ €252 miljun fil-finanzi pubbliċi.
Dan it-titjib qawwi bla preċedent, li hu ferm aktar minn dak antiċipat fil-baġit, seħħ għax id-dħul tal-Gvern kiber b’rata ferm akbar milli żdied il-ħruġ.
Filfatt id-dħul tal-Gvern kiber b’rekord ta’ €900 miljun. Din hi dovuta għal dħul akbar mill-income tax, mill-bolla u mill-VAT. Dan jirrifletti wkoll it-tkabbir ekonomiku sostnut tal-ekonomija Maltija.