Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, il-Gvern kellu surplus fil-finanzi tiegħu ta’ ftit aktar sitta u ħamsin punt erba’ miljun ewro.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-Fond Konsolidat li jirreġistra d-dħul u l-infiq tal-Gvern juru li bejn Jannar u Settembru, id-dħul tal-Gvern żdied b’aktar minn €346.7 miljun meta mqabbel mal-istess disa’ xhur tas-sena li għaddiet. Fl-istess perjodu, in-nefqa tal-Gvern żdiedet b’aktar minn €226.6 miljun.
L-NSO qal li meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet, il-kaxxa ta’ Malta rreġistrat bidla pożittiva ta’ aktar minn mija u għoxrin miljun ewro.
Minkejja li l-Gven kompla naqqas it-taxxi diretti u indiretti, l-Uffiċċju tal-Istatistika qal li żieda ta’ kważi tlettax fil-mija fid-dħul tal-Gvern kienet riżultat fost oħrajn ta’ żidiet mill-income tax (+€83.4 miljun) mill-VAT+€78.5 miljun), mill-bolla (+€48.3 miljun) u anke mill-għotjiet.