Il-Gvern fi stqarrija innota b’dispjaċir il-vot tal-plenarja tal-Parlament Ewropew kontra rakkomandazzjoni għan-nomina tal-Gvern Malti għall-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea ta’ Leo Brincat, illi minkejja li ġiet aċċettata u approvata mill-kumitat ta’ skrutinju tal-Kontroll tal-Budget tal-Parlament Ewropew li miegħu il-Qorti Ewropea tal-Awdituri taħdem ħafna fil-qrib, spiċċa biex tilef vot fil-plenarja.
In-nomina ta’ Brincat issa se tersaq quddiem il-Kunsill Tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni finali.
Ta’ min jinnota li ħadd u fl-ebda ħin ma tpoġġiet fid-dubju l-kompetenza u l-integrita’ ta’ Leo Brincat. B’hekk hija tassew ħasra li lanqas ir-rappreżentanti Maltin kollha kemm huma ma appoġġjaw in-nomina ta’ Malta, u dan għal taparsi gwadann purament politiku partiġġjan tar-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni fil-Parlament Ewropew. Dan ikompli jikkonferma li għandna Oppożizzjoni li hija iktar moħħha fil-logħob politiku milli li tħares l-interessi ta’ pajjiżna.
Oppożizzjoni serja kienet taħdem bħal ma ġara fil-leġislaturi li għaddew li kienet tappoġġja lil Malta fil-fora kollha internazzjonali u fejn kien hemm bżonn, minkejja rizervi li seta’ kien hemm.
Il-Gvern Malti jħares ‘il quddiem sabiex jara l-eżitu tan-nomina ta’ Leo Brincat mill-Kunsill Tal-Unjoni Ewropea fejn dan dejjem ikun it-tielet test u dak deċiżiv għal persuna li tkun nominata għal tali kariga.
Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħa gost b’dan il-vot.