Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni rreaġixxa għall-istqarrija tal-Oppożizzjoni dwar in-negozjati b’rabta mal-ftehim settorjali għall-għalliema.
Il-Ministeru nnota kif l-Oppożizzjoni qed terġa’ tagħżel il-partiġġjaniżmu li ma jikkontribwixxi xejn lejn il-pajjiż f’mument bħal dan.
Sostna kif din mhux l-ewwel darba li qed isir dan, tant li l-istess Kelliem tal-Oppożizzjoni li ħareġ stqarrija llum, b’referenza għal Justin Schembri, diġà fajjar ċifri li mhumiex minnhom fil-pubbliku.
Fil-fatt, il-Ministeru ċċara li, b’rispett lejn il-proċess ta’ negozjati, il-proposti b’saħħithom tal-Gvern saru lill-unjin tal-għalliema u, filwaqt li l-Gvern jibqa’ miftuħ għan-negozjati, dawn ma jistgħux isiru waqt l-azzjonijiet industrijali.
L-istqarrija temmet tgħid li, fuq kollox, il-Gvern poġġa mal-mejda proposta li tirrifletti dak li wiegħed b’żidiet sostanzjali għall-għalliema u għalhekk iħoss li t-tbatija tat-tfal b’dawn l-azzjonijiet mhux ġustifikata.