- L-Universita’ Amerikana f’Malta se tattira 4,000 student
- Tiġġenera żieda ta’ €48 miljun fit-tkabbir ekonomiku li jitla’ għal €85 miljun fis-sena
- Se toħloq 280 impjieg li jiżdiedu għal-470 impjieg
- Proġett li se jagħti spinta lin-naħa t’isfel ta’ Malta
L-Universitá Amerikana f’Malta hija rikonoxxuta uffiċjalment bħala istituzzjoni li se toffri edukazzjoni terzarja ta’ kwalitá għolja. Dan stqarru l-Gvern fir-reazzjoni tiegħu għall-liċenzja ta’ ħames snin li ngħatat lil Sadeen Education Investment Ltd biex topera Universita’ f’Malta bl-isem ta’ American University of Malta.
Il-Gvern spjega kif id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla li toħroġ il-liċenzja tal-Università Amerikana f’Malta tiftaħ kapitlu ġdid u pożittiv fl-istorja ta’ pajjiżna. “B’dan il-pass importanti, kif imwiegħed fil-manifest elettorali, il-Gvern se jkun wettaq il-proġett tat-tieni università f’Malta li ssaħħaħ il-pluraliżmu fil-qasam tal-edukazzjoni terzjarja.”
Fi stqarrija, il-Gvern fisser kif dak li tħabbar mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla huwa timbru konvinċenti fuq l-investiment li se jattira mal-4,000 student, b’żieda ta’ €48 miljun fit-tkabbir ekonomiku, li jitla’ għal €85 miljun fis-sena, ħolqien ta’ 280 impjieg ġdid li jiżdiedu għal 470 impjieg ġdid, kif ukoll opportunitajiet ta’ boroż ta’ studju għall-istudenti Maltin.
Matul dawn l-aħħar xhur, l-Università Amerikana f’Malta kienet lesta toqgħod għal proċess rigoruż ta’ skrutinju wiesa’ minn kummissjoni indipendenti li wettqet evalwazzjoni dettaljata fuq din l-istituzzjoni. B’analiżi akkademika u finanzjarja, l-approvazzjoni saret bl-iktar mod professjonali u għandha sservi bħala kejl ġdid għal eżerċizzji simili fil-futur.
L-istqarrija tispjega li l-investituri tal-AUM aċċettaw il-kundizzjonijiet kollha mitluba minnhom u urew li għandhom il-kredenzjali kollha biex saħanistra jipprovdu d-doppju ta’ dak mitlub mil-liġi sabiex tingħata liċenzja ta’ università, jiġifieri 5 korsijiet f’livell ta’ baċellerat, kors wieħed ta’ Masters u 4 korsijiet f’livell ta’ PhD.
“Dan huwa proġett li se jagħti wkoll spinta lin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Mhux biss l-industriji li jniġġżu li kienu jintefgħu f’dawn l-inħawi minn amministrazzjonijiet preċedenti, imma issa investimenti sostenibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji u n-negozji.”
Il-Gvern jinsab sodisfatt għall-liċenzja li kisbet bil-ħila tagħha l-Universita’ Amerikana f’Malta, filwaqt li l-Oppożizzjoni tibqa’ kontra dan il-proġett akkost ta’ kollox. Fl-istqarrija l-Gvern temm jgħid li “Kif kien evidenti mill-bidu nett, dan l-investiment fattibbli, realistiku u vijabbli se jkompli jagħmel suċċess minn Malta f’din il-bidla pożittiva li qed isseħħ.”