Infrastruttura Malta rċiviet tliet offerti għall-bini ta’ pont għall-mixi u r-roti – u aċċessibbli anke għal persuni b’diżabilità – fil-Blata l-Bajda, biswit il-Kappella tal-MUSEUM.
It-tliet offerti għandhom valur medju ta’ żewġ miljun u erba’ mitt elf ewro.
Dwar dan il-proġett tkellimna mal-Inġinier Robert Schembri minn Infrastruttura Malta li spjega kif dan se jelimina għalkollox id-dwal tat-traffiku preżenti – bir-riżultat li t-traffiku jimxi aħjar, u jkun hemm sigurtà ferm iżjed għolja hekk kif in-nies mhux se jaqsmu iżjed it-triq.
Qsim tat-triq li jsir b’mod regolari hekk kif fuq iż-żewġ naħat tat-triq hemm waqfiet importanti tal-linja.
L-inġinier spjegalna għala għal dan il-pont intgħażel disinn li ġej għat-tond fejn qal kif il-forma ġiet iddettata mill-ambjent hekk kif hemm siġar maturi u sabiex ukoll ikun evitat li jitqaċċtu u jitneħħew is-siġar.
Issa li ntlaqgħu l-offerti, jibda l-proċess ta’ evalwazzjoni, li se jwassal biex ix-xogħol jibda fi żmien qasir.
Ix-xogħol fi ħdan Infrastruttura Malta la jibda u lanqas jintemm hawnhekk.
Fil-fatt, l-Inġinier Schembri spjegalna kif hemm ħidma fuq għadd ta’ pontijiet oħra, fosthom fi Vjal l-Avjazzjoni, li jinsab fi stadju avvanzat ta’ evalwazzjoni.
Barra minn hekk għaddejja l-ħidma għal pont assoċjat mal-proġett tas-Central Link, u tliet pontijiet pedonali assoċjati mal-Flyovers tal-Marsa.
Fuq Facebook, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega kif pajjiżna qed ikompli jinvesti f’infrastruttura aktar sikura li tħajjar iżjed persuni jużaw mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi u iktar sostenibbli.