Il-Gvern Malti rebaħ għat-tieni darba kontra Steward, quddiem l-arbitraġġ internazzjonali fl-International Chamber of Commerce.
Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, waqt li kien qed jiddiskuti l-estimi finanzjarji tal-Ministeru tas-Saħħa fil-Parlament.
Qal, “Fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet, kellna l-aħbar minn Pariġi fejn qiegħed isir l-arbitraġġ internazzjonali bejn il-Gvern Malti u Steward, kellna l-aħbar li għat-tieni darba, l-arbitraġġ internazzjonali ħa deċiżjoni favur il-Gvern Malti u kontra Steward.”
Chris Fearne qal li d-dettalji huma kunfidenzjali għaliex huma marbuta bir-regoli tal-arbitraġġ internazzjonali.
Tenna li dan ifisser li għall-kuntrarju tal-istampa li qed tipprova tpinġi l-Oppożizzjoni, il-proċess għaddej u l-Gvern qed jieħu l-każ b’serjetà.