Il-Gvern ippubblika abbozz ta’ liġi li se joftom il-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali skont kif issuġġerixxiet il-Kummissjoni Venezja, li fuq talba ta’ dan il-Gvern għamlet għadd ta’ rakkomdandazzjonijiet biex jissaħħaħ il-qasam ġudizzjarju ta’ Malta.
Waqt li ppreżenta l-abbozz ta’ liġi, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-ewwel bidla msemmija hija t-tneħħija tal-funzjonijiet ċivili li llum għandu l-Avukat Ġenerali. Il-Ministru spjega li “se jinħoloq uffiċċju ġdid ta’ Avukat tal-Istat, li se jiffoka fuq funzjonijiet ċivili li llum qed jagħmel l-Avukat Ġenerali”.
L-abbozz se jżid il-poteri tal-Avukat Ġenerali, biex malli l-liġi tidħol fis-seħħ b’mod immedjat, dan jiffoka biss fuq kwistjonijiet kriminali, fosthom li jiddeċiedi hu min għandu jitressaq il-Qorti. Fi kliem il-Ministru, dan se jkun importanti ‘l quddiem, għaliex b’hekk se jkun hemm persuna li għandha garanzija ta’ żewġ terzi tal-kostituzzjoni li se jkollha l-poter fil-prosekuzzjoni.
Il-Gvern qed jara wkoll li anke prosekuzzjoni fiżika fil-Qorti tibda’ ssir mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Bħalissa qed isiru l-bidliet legali meħtieġa biex tiddaħħal gradwalment u eventwalment, Malta ssir mudell għal pajjiżi oħra li jridu jtejbu s-sistema ġudizzjarja tagħhom.
Fuq kollox, saħaq il-Ministru, l-abbozz juri wkoll li l-Gvern verament iħares is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, hekk kif se jdaħħal fis-seħħ b’mod immedjat rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Venezja li talab hu stess biex verament ikollna qasam ġudizzjarju ġust u trasparenti.
“Naħseb li l-mod kif imxejna fejn aħna tkellimna mal-Kummissjoni Venezja, qad nagħmlu riformi fis-sistema legali tagħna li fl-2013 kienet bla enerġija, bla viżjoni, illum għandna sistema li qed titkellem dwar il-futur, dwar kif aħna nistgħu inkunu l-aħjar anke f’dan is-settur”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.