Ftit ġimgħat qabel jiġi ppreżentat il-baġit għas-sena d-dieħla, l-Erbgħa filgħodu l-Gvern nieda għall-konsultazzjoni pubblika d-dokument tiegħu ta’ qabel il-baġit.
Id-dokument, li ġie ppubblikat mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana f’konferenza tal-aħbarijiet, jagħti sfond tas-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna, fost l-oħrajn, fejn tidħol l-ekonomija, il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent, b’mod speċifiku.
Mid-dokument joħroġ kif l-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet tikber b’mod sinifikanti, fl-istess ħin li fl-Unjoni Ewropea u internazzjonalment it-tkabbir kien wieħed kajman.
Dan hekk kif is-sena l-oħra, l-ekonomija loali kibret b’7.5%, iżda l-medja tal-Unjoni Ewropea kienet biss ta’ 0.4%.
Ħareġ ukoll li, fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, it-tkabbir ekonomiku lokali kien ta’ 5.9%.
Dwar dan il-Ministru Caruana wkoll qal li Malta se żżomm dan ir-ritmu ta’ tkabbir fir-riformi li għaddejjin.
Wieħed mis-setturi, li qed iwassal għat-tkabbir ekonomiku hu dak turistiku.
Ġie spjegat li, matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, in-nefqa tat-turisti f’pajjiżna kienet tammonta għal aktar minn €950 miljun, li tfisser żieda ta’ 27.6%, meta mqabbel ma’ sena ilu.
Mid-dokument ta’ qabel il-baġit ħareġ li s-suq tax-xogħol hu b’saħħtu ħafna, waqt li l-qgħad jinsab fl-inqas livelli fl-istorja. Dwar is-suq tax-xogħol, il-Ministru Caruana qal li Malta għandha fost l-ogħla rati fl-Unjoni Ewropea u jekk jibqa’ għaddej dan ir-ritmu, Malta tkun fil-quċċata.
L-inflazzjoni f’pajjiżna mmoderat u tinsab viċin il-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew ta’ tnejn fil-mija, dan hekk kif l-inflazzjoni fuq l-ikel naqqset sew permezz tal-inizjattiva ‘Stabbiltà’.
Il-Ministru Caruana qal ukoll li, fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, l-investiment tal-benefiċċji soċjali kien jammonta għal €772.5 miljun, li hu l-akbar li qatt ġie rreġistrat fl-aħħar 12-il sena. Dan ifisser żieda ta’ 13.5%, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Hawnhekk semma kif il-Gvern qed iżomm u se jkompli jżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel.
Intqal kif is-sena l-oħra, 1.2% tal-Prodott Gross Domestiku mar għal dan il-għan, iżda din is-sena dan mistenni jinżel għal taħt il-punt perċentwa u, is-sena d-dieħla, l-għajnuna mill-Gvern mistennija tassorbi 0.7%.
Innota li ħadd fl-Unjoni Ewropea mhu jagħmel dak li qed jagħmel pajjiżna u dan hu rifless anke fis-sitwazzjonijiet diffiċli li għaddejjin popli oħrajn madwarna.
Il-Ministru Caruana spjega li kieku din l-għajnuna biex iżżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels ma tingħatax jew titwaqqaf, kif iridu istituzzjonijiet internazzjonali, kieku l-ekonomija lokali mhux se tkun b’saħħitha anke biex tkompli tikber kif inhi.
Id-defiċit naqas u se jkompli jonqos, hekk kif id-Dipartiment tat-Taxxa, din is-sena, mistenni jdaħħal €200 miljun aktar mit-tassazzjoni li tinġabar minn dak li hu dovut lill-Istat, tkabbir u mhux mit-tkabbir ekonomiku.
Ir-rata ta’ dejn meta mqabbel mal-Prodott Gross Domestiku baqa’ sew taħt is-60%, kif inhu stipulat mill-Unjoni Ewropea u, minkejja, l-għajnuna qawwija li qed tingħata d-defiċit nieżel għal 4.6% minn 5.3% is-sena l-oħra.
Il-Ministru għall-Finanzi kompla li l-pjan fiskali tal-Unjoni Ewropea ġie aktar riġoruż, b’pajjiżna jagħżel li d-defiċit ikun taħt il-1.5% sal-2030. Il-pjan magħżul fuq erba’ snin mistenni jdum inqas minn hekk ukoll, għax f’sentejn biss mistennija ninżlu għall-mira ta’ 3%.
Caruana qal li d-defiċit, din is-sena, mistenni jinżel għal 4%, ferm aħjar minn dak li kien imbassar.