Il-Gvern qed jipproponi bidliet fil-liġi b’rabta ma’ iktar dixxiplina fit-toroq. Fost waħda mill-iktar bidliet drastiċi hemm dik li biha sewwieq jeħel il-punti fuq il-liċenzja tas-sewqan tiegħu meta jikkommetti ċerti infrazzjonijiet tal-liġijiet tat-traffiku tiġi estiża għas-sewwieqa kollha. Preżentament din is-sistema tapplika biss dwar sewwieqa li jkun għad għandhom liċenzja bi prova.
Fit-tnedija ta’ din l-inizattiva l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li biż-żieda fin-numru ta’ sewwieqa u ta’ vetturi hemm il-ħtieġa li pajjiżna javvanza wkoll fl-għarfien tal-ħtieġa ta’ ċerti miżuri biex insaħħu s-sigurta’ fit-toroq.
“Filwaqt li kulħadd jaf bil-konsegwenzi koroħ (xi drabi wkoll fatali) tal-inċidenti tat-traffiku jidher illi l-bidla fl-attitudini lejn is-sewqan m’hijiex qegħda żżomm il-pass meħtieġ Il-pubbliku jidher illi mhux dejjem jagħmel ir-rabta li hemm bżonn li ssir bejn is-sewqan traskurat, is-sewqan wara x-xorb, in-nuqqas ta’ ħarsien tar-regolamenti tat-traffiku u l-konsegwenzi koroħ tal-inċidenti,” qal il-Ministru li żied li hemm bżonn illi l-pajjiż jimmodernizza ruħu wkoll għal livelli Ewropej f’dak li għandha x’taqsam il-mentalita’ u r-responsabilita’ tas-sewwieqa u l-attitudini lejn is-sewqan.
Il-proposti ewlenin tal-gvern huma:
1. Il-pieni għal sewqan bla liċenzja u għall-użu ta’ numri li ma jkunux in-numri tal-vettura partikolari jogħlew. F’dawn il-każijiet il-Qorti tkun tista twaħħal ukoll sospensjoni tal-liċenzja mingħajr il-ħtieġa illi din tkun intalbet formalment mill-prosekuzzjoni;
2. Il-gwardjani lokali jingħataw id-dritt li jagħmlu testijiet tan-nifs lil sewwieqa suspettati li jkunu qegħdin isuqu taħt l-influwenza tax-xorb u dan sal-istadju li tissejjaħ il-Pulizija;
3. Il-pieni għal sewqan taħt l-influwenza ta’ xorb jew droga jogħlew u b’żieda mal-pieni l-Qorti tingħata s-setgħa li tqiegħed lill-ħati taħt ordni ta’ probation u li tordnalu li jattendi programm ta’ riabilitazzjoni a spejjeż tiegħu u/jew li timponi ordni ta’ servizz fil-komunita taħt l-Att dwar il-Probation;
4. Li tiddaħħal sistema ġdida ta’ limiti ta’ alkoħol permessibbli fis-sewqan li hija aktar viċin il-medja ta’ standards Ewropej. Din tinvolvi li ssir distinzjoni bejn sewqan ta’ vetturi għall-użu privat, sewqan ta’ vetturi kummerċjali, sewqan ta’ karozzi tal-linja, coaches u vetturi oħra li jġorru passiġġieri bi ħlas u sewqan minn sewwieqa li jkun għad għandhom liċenzja tas-sewqan bi prova. Dawn il-kategoriji se jkunu soġġetti għal limiti ta’ alkoħol differenti li f’xi każijiet jista’ wkoll ikun zero.
5. Qed jiġi propost li jsiru wkoll emendi għar-regolamenti dwar il-Liċenzji tas-Sewqan biex is-sistema li biha sewwieq jeħel il-punti fuq il-liċenzja tas-sewqan tiegħu meta jikkommetti ċerti infrazzjonijiet tal-liġijiet tat-traffiku tiġi estiża għas-sewwieqa kollha. Preżentament din is-sistema tapplika biss dwar sewwieqa li jkun għad għandhom liċenzja bi prova.
Bis-sistema proposta kull sewwieq li matul perjodu ta’ tnax il-xahar jeħel mill-anqas tnax il-punt ta’ penali fuq il-liċenzja tiegħu jkollu l-liċenzja tiegħu revokata u jkun jista’ jakkwista liċenzja oħra biss skont ċerti regoli li jagħmlu distinzjoni bejn sewwieqa li jkunu weħlu l-ewwel revoka u sewwieqa li jkunu nkorrew revoka għat-tieni, t-tielet jew ir-raba’ darba fuq medded ta’ snin stipulati fir-regolamenti.
6. L-ammont ta’ punti li sewwieq jeħel meta jikkommetti infrazzjoni se jiġi rivedut b’mod li ċerti infrazzjonijiet se jattiraw inqas punti u oħrajn aktar serji jattiraw iżjed.
7. Biex tiġi mħeġġa l-edukazzjoni tas-sewwieqa se jkun possibli li sewwieq li jkollu liċenzja tas-sewqan sħiħa (jiġifieri mhux bi prova) ikollu l-punti penali mniżżla fuq il-liċenzja imnaqqsa bin-nofs jekk jattendi kors dwar l- attenzjoni għas-sigurta’ fit-triq li jkun approvat mill-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta.
Dawn il-proposti jinkludu wkoll żidiet fil-multi meta persuni tinqabad issuq taħt l-effet tax-xorb:
– Multa ta’ €1,200 sa 3 xhur ħabs, multa ta’ €1,800 sa 6 xhur ħabs jekk tinqabad it-tieni darba
– Jekk tinqabad it-tieni darba pieni ta’ €2,329 jew sitt xhur ħabs, għal multa ta’ €3,000 sa sena ħabs
Il-pubbliku u l-istakeholders huma mitluba jibagħtu s-suġġerimenti tagħhom fuq trafficreform.mjcl@gov.mt sa’ nhar it-Tlieta 15 ta’ Novembru, 2016.