Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet li l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku hija inaċċettabbli u talbet l-Enemalta biex tagħmel pjan biex is-sitwazzjoni tissolva mill-aktar fis.
“Is-sitwazzjoni tal-qtugħ fil-provvista tad-dawl hija sitwazzjoni inaċċettabbli u nifhem il-frustrazzjoni tan-nies. Għalhekk tlabt lill-Enemalta jkun hemm pjan biex il-problemi jiġu identifikati u nsibu soluzzjoni għalihom”, spjegat il-Ministru Dalli, li ċċarat ukoll li l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku ġejja minn problema fid-distribuzzjoni li qed issir ħidma dwarha.
Filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema tal-Enemalta li anke bħalissa għaddejjin b’ħidma bla waqfien biex tittranġa s-sitwazzjoni, ma’ ONE News fakkret li anke fid-dawl ta’ investimenti li saru fid-distribuzzjoni minn dan il-Gvern, għandna anqas sitwazzjonijiet ta’ qtugħ fid-dawl milli kellna lejn l-aħħar ta’ Gvern Nazzjonalista.
Fil-fatt fuq medda ta’ tmintax-il xahar lejn l-aħħar t’amministrazzjoni Nazzjonalista, kien hawn mal-elf u mitt qtugħ tad-dawl, kif kien ikkonferma dak iż-żmien stess, il-Ministru Tonio Fenech.
Il-Ministru Dalli sostniet li “fl-aħħar seba’ snin, dan il-Gvern investa €130 miljun fid-distribuzzjoni tad-dawl, imma evidentament irridu nagħmlu ħafna aktar. Illum, meta mqabbel mal-2012, għandna nofs il-qtugħ tad-dawl li kellna fi żmien Gvern Nazzjonalista. Però din għaliha mhux biżżejjed għax irrid naċċerta ruħi li kwalunkwe klijent ikollu l-aħjar servizz possibbli.”
Waqt li l-Ministru Miriam Dalli preżentat is-soluzzjonijiet, dawk imsejħa bħala l-esperti tal-Blackouts organizzaw konferenza tal-aħbarijiet mimlija attakki.
F’konferenza tal-aħbarijiet, tal-Partit Nazzjonalista, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus spiċċa jattakka l-powerstation li taħdem bil-gass u għadda messaġġ distruttiv mingħajr ma ta soluzzjoni waħda biex il-familji li spiċċaw bla dawl, ikollhom id-dawl fi djarhom.
Meta mbagħad ONE News staqsa dwar kemm kieku l-Partit Nazzjonalista jinvesti biex itejjeb l-infrastruttura tad-distribuzzjoni li tħalliet lura fi żmien Gvern Nazzjonalista, waħda mill-kelliema tal-konferenza tal-aħbarijiet ma kellha l-ebda ħjiel u ma tat l-ebda ċifra ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista jinvesti fid-distribuzzjoni tad-dawl.
“Nassigurak li l-pjanijiet tagħna kollha jiġu diskussi u pjanati mal-esperti. L-investimenti li qed nippjanaw aħna mhux se jmorru għall-ftit, bħalma taf li ġara, imma se jmorru biex igawdi kulħadd minnhom. Fost dawn billi nġibu l-orħos sors u bl-investimenti tagħna jgawdi kulħadd”, qaltilna Cilia.