Il-Gvern preżenta abbozz li permezz tiegħu se jkun hemm emendi fil-Kodiċi Kriminali dwar il-Femiċidju.
Dan wara l-approvazzjoni ta’ dan l-abbozz mill-Kabinett.
Permezz ta’ dawn l-emendi, il-femiċidju issa se jkun ikkunsidrat bħala offiża separata, fejn se jwassal biex f’każ ta’ femiċidju l-pieni se jkunu eħrex.
Skont dan l-abbozz li tressaq għall-ewwel qari fil-Parlament, il-pieni marbuta ma’ femiċidju se jgħiddu meta mara tkun attakkata mir-raġel jew sieħeb tagħha, u anke tinqatel waqt abbuż sesswali.
Dan apparti meta jseħħ qtil ta’ xi persuna li kienet prostituta.
Il-liġi proposta se tkun ukoll qed tipprovdi illi omiċidju b’karatteristiċi ta’ femiċidju se jkun eskluż milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli minħabba li jkun twettaq f’passjoni.
Dawn l-emendi tħabbru eżatt xahar wara l-qtil u stupru tal-Pollakka Paulina Maria Dembska fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema u sentejn mill-qtil ta’ Chantelle Chetcuti f’Ħaż-Żabbar.
F’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa waranofsinhar, fl-Università l-Antika fil-Belt, il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis spjega li se jitneħħa r-reat ta’ passjoni mill-Kodiċi Kriminali.
Dan se jiġi kunsidrat bħala omiċidju volontarju.
Qal, “L-ewwel ħaġa għamilna rekord illi f’xahar minn omiċidju ikrah ta’ Paulina Dembska għandna abbozz ta’ liġi. Abbozz ta’ liġi li jipproteġi lill-mara u jdaħħal il-kunċett ta’ femiċidju għall-ewwel darba fil-Kodiċi Kriminali tagħna.”
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici spjega kif permezz ta’ dan il-liġi, Malta qed tibgħat messaġġ li l-vjolenza kontra n-nisa jew abbażi tal-ġeneru mhiex f’lokha.
Spjega, “Kburi ħafna li l-Prim Ministru intervjena, iltaqa’ wkoll mal-għaqdiet, ma’ persuni esperti u ħdimna flimkien bħala Ministeri biex illum wasalna f’pożizzjoni biex fi żmien xahar mill-omiċidju ta’ Paulina Dembska stajna mmexxu ’l quddiem din il-liġi, li tagħmel id-differenza u se tkompli ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.”
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif matul l-aħħar ġimgħat kien hemm konsultazzjoni wiesgħa ma’ diversi esperti fis-suġġett u anke diversi għaqdiet favur id-drittijiet tan-nisa.
Diversi għaqdiet favur id-drittijiet tan-nisa faħħru dan l-abbozz imressaq mill-Gvern, fosthom l-attivista Dr Lara Dimitrejevic.
Qalet, “Speċifikament qegħda tirrikonoxxi r-reat ta’ vjolenza fuq il-mara, li f’dan il-każ qed nitkellmu fuq il-femiċidju, jiġifieri l-agħar forma ta’ reat. Qed nirrikonoxxu wkoll li għandna problema fis-soċjetà tagħna. Huwa pass u impenn politiku, li ilni ngħid kemm huwa importanti li jkun involut il-politikat, li jgħid isma’ qed inwasslu messaġġ fis-soċjetà tagħna fil-pajjiżna tagħna, iċ-ċittadini tagħna m’għandniex nibqgħu sejrin hekk, irridu nagħmlu xi ħaġa dwarha u dan huwa l-ewwel pass.”