Il-Gvern ippreżenta emenda dwar l-Abbozz 28 li jittratta l-protezzjoni ta’ saħħet u ħajjet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala. Fil-jiem li ġejjin din l-emenda se tiġi diskussa fi stadju ta’ kumitat Parlamentari wara li l-Abbozz kien għadda mit-tieni qari fil-Parlament.
Dan kien ikkomunikat f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard fil-Kamra tal-Gvern fil-Parlament. Intqal li fi stadju ta’ kumitat, il-Gvern se jsaħħaħ l-emendi li kienu tressqu qabel mill-Gvern fil-Kodiċi Kriminali biex filwaqt li jassigura l-principji tal-emenda oriġinali, jserra¬ħ ras kulħadd li ma jkunx hemm abbuż.
Id-Deputat Prim Ministru qal li l-għan ta’ din l-emenda huwa li ssalva l-ħajja tal-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala.
Chris Fearne qal li din l-emenda se tagħti serħan il-moħħ għall-mara, meta saħħitha tkun f’periklu gravi li tista’ twassal għall-mewt.
Dan l-abbozz qed jgħid ukoll t-tobba jistgħu jaslu għat-terminazzjoni biss meta jkunu eżawrew kull possibilità u kull mezz li jeżisti f’pajjiżna. L-emenda mressqa għall-istadju ta’ Kumitat qed ifissru x’inhu ż-żmien ta’ vijabilità, li huwa dak il-punt li fih il-fetu jkun kapaċi jgħix barra l-utru skont il-prattiċi mediċi kurrenti. Id-Deputat Prim Ministru sostna wkoll li tarbija li tista’ tgħix barra l-ġuf għandha titwelled u mhux tiġi tterminata. Barra minn hekk, id-deċiżjoni dwar ħajjet l-omm u t-tarbija ma tistax tittieħed minn tabib wieħed iżda minn tlieta.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li minn Novembru ’l hawn, meta tressaq dan l-Abbozz kien hemm diskussjonijiet ma’ għaqdiet u persuni li wrew fehmiet differenti. Il-Gvern żamm aġġornat ukoll lill-President ta’ Malta dwar din id-diskussjoni li saret.
Il-Ministru Jonathan Attard qal li l-prinċipju ta’ din l-emenda għadu u se jibqa’ favur il-ħajja. Qal li l-prinċipju huwa dejjem ċar jiġifieri l-abort kien, għadu u se jibqa’ llegali.
Il-Ministrtu Attard fakkar li l-emenda hija meħtieġa wara li l-parir tal-Avukat tal-Istat isostni b’mod ċar li l-prassi li ilha tintuża mit-tobba mhix koperta legalment. Il-Ministru għall-Ġustizzja nnota wkoll l-aġir tal-Oppożizzjoni li ma riedet tagħmel xejn jiġifieri nħallu kollox kif inhu. Jiġifieri nħallu lit-tobba u l-ommijiet f’dan ir-riskju legali.