Il-Gvern illum ħareġ barra minn Kastillja fejn saret laqgħa fil-bini ta’ Transport Malta f’Ħal Lija.
Dalgħodu l-Gvern sostna li qiegħed jinvesti mas-700 miljun ewro għall-bini tat-toroq mill-ġdid f’Malta.
Il-Ministru Ian Borg qal li rridu mmorru għall-kultura fejn il-pubbliku juża t-trasport pubbliku, il-‘ferries’ u r-rota biex jivvjaġġaw.
Qal ukoll li Transport Malta ħareġ b’sejħa għall-bini mill-ġdid ta’ 120 triq b’investiment ta’ 50 miljun ewro.
Fil-Marsa, il-Ministru Ian Borg qal li minn Aldo Morro jgħaddu mat-8,000 vettura fis-siegħa li issa giet b’10 korsiji.
Intant dalgħodu għaddej l-asfaltar sabiex f’Jum ir-Repubblika, it-traffiku jgħaddi b’ mod differenti.
Dwar il-proġett ta’ ‘central link’, il-ħin ta’ stennieha se jonqos b’50 fil-mija.
Il-Prim Ministru qal li dak li smajna huwa xhieda konkretta tal-bidla li qiegħda ssir fil-pajjiż.
Fil-bidu tal-laqgħa tal-kabinett, Il-Prim Ministru tkellem dwar l-aħħar żviluppi fir-Renju Unit fejn qal li filwaqt li l-Gvern Malti ma jistax jindaħal iżda qegħdin nsegwu mill-qrib u nemmnu li l-ftehim innegozjat huwa l-aħjar ftehim possibli, ħalkemm hemm ir-rieda ta’ kjarifika.
Qal li fil-laqgħa tal-kabinett, se jkun diskuss kif se jissaħħu dawn n-negozjati u l-preparamenti mingħajr riperkussjonijiet fejn anke nserħu moħħ iċ-ċittadini li jgħixu fir-Renju Unit u viċi versa.