Il-Gvern ser ikun qed jixtri 109 sodda mid-Dar l-Annunzjata li tinsab fl-aħħar stadji ta’ xogħlijiet qabel tibda’ tilqa’ l-anzjani fi ħdanha.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia waqt konferenza bit-tema Gvern għan-Nies.
Fil-fatt din id-Dar tal-Anzjani li tinsab f’Ħal Tarxien mistennija tiftaħ il-bibien tagħha f’Marzu li ġej u ser tkun qed tinkludi 230 sodda.
B’hekk b’dan l-investiment minn naħa tal-Gvern 80% tas-sodod ser ikunu tal-Gvern.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva hekk kif spjega li din id-dar ser tkun qed tinkludi faċilitajiet tal-ogħla kwalità u bl-aħħar teknoloġiji.
Is-Sur Renzo Degabriele spjega: “Għandek sistema ta’ nurse call li hija wireless u li ttik sigurtà għall-persuni bid-dementia biex ma jmorrux f’ċertu postijiet jiġifieri sistemi u livelli ta’ servizzi li jkunu tal-ogħla kwalità.”
Degabriele spjega wkoll kif fil-fatt din id-Djar tal-Anzjani ser tkun qed toffri numru ta’ servizzi partikolari li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani li ser jirrisjedu fiha.
Huwa sostna: “Għandhom ukoll faċilitajiet jekk iridu ta’ beauty parlor, therapy pool għandhom ukoll servizzi ta’ tabib, ta’ physiotherapy u occupational therapy jiġifieri diversi servizzi li jkunu prattikament li jtuhom il-faċilitajiet li ssib fil-komunità fejn tgħix.”
Intant il-Ministru Michael Farrugia waqt din il-konferenza qal li s-sena l-oħra minkejja l-pandemija l-Gvern xtara mal-500 sodda mis-settur privat filwaqt li għen 800 persuna tiġi trasferiti f’faċilità ta’ kura assistita.