Fl-aħħar erba’ ġimgħat, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal investa €154 miljun f’pensjonijiet u benefiċċji biż-żidiet imħabbra fil-Baġit 2025.
Dan se jwassal biex sal-aħħar ta’ din is-sena, l-investiment soċjali fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali se jlaħħaq l-€1,600 miljun – l-akbar investiment ta’ kull żmien.
Ħabbar dan il-Ministru Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn spjega li l-investiment f’benefiċċji għal familji bit-tfal u familji bi dħul baxx jew medju ittripla minn €50 miljun fl-2013 għal madwar €152 miljun sa din is-sena.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet tħabbar ukoll kif pensjonanti romol li se jirċievu l-ewwel pagament tal-pensjoni miżjuda għal din is-sena, filwaqt li se jingħataw ukoll benefiċċji oħra bħal dawk tal-mard, tal-qgħad u għal dawk li sofrew korriment fuq il-post tax-xogħol.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega li b’kollox hemm 18,044 romol se jitħallsu aktar minn €17-il miljiun fl-ewwel erba’ ġimgħat tas-sena. Il-pagamenti jinkludu ż-żieda ta’ €8 fil-ġimgħa.
Dan filwaqt li 9,414 persuna se jitħallsu aktar minn €1.4 miljun f’Assistenza għal Mard, 1,091 persuna qed jitħallsu benefiċċji kontributorji temporanji oħra minħabba mard, korriment jew qgħad temporanju. Dan filwaqt li dawk li qed jitħallsu għall-Assistenza għal Qgħad, niżlu għal 212, li huwa l-aktar numru baxx ta’ benefiċjarji ta’ din l-assistenza ta’ kull żmien.