Fil-baġit għas-sena d-dieħla, l-investiment tal-Gvern f’servizzi mediċi, offruti b’xejn fil-privat, se jirdoppja minn seba’ miljun ewro għal erbatax-il miljun ewro. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’, indirizzata mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.
Il-Ministru spjega li dan hu servizz li jingħata mill-privat, imħallas mill-Gvern, biex tingħata kura bl-aktar mod effiċjenti, mhux l-inqas fejn hemm listi ta’ stennija għal operazzjonijiet u servizzi oħrajn.
Il-Ministru sostna li dan juri biċ-ċar kemm il-Gvern jinvesti fin-nies.
“Dan hu investiment fil-pazjent ovvjament, imma hu investiment b’saħħtu fil-ħaddiema tagħna u fil-ħaddiema, ovvjament li jaħdmu fil-privat u jikkontribwixxu għas-saħħa tal-Maltin u tal-Għawdxin. Aħna qed ngħidu li ħa nagħmlu aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ radjoloġija, CT Scans, MRIs u qed nitkellmu dwar operazzjonijiet ukoll tal-ftuq, tal-għadam, ġogi, knee replacement, operazzjonijiet tal-għajnejn u nista’ nibqa’ sejjer.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Hu semma wkoll kif, fil-ħidma tiegħu, il-Gvern qed jimmassimizza l-binjiet tiegħu. Dan hekk kif qed jingħata servizz matul il-lejl, fil-Ħdud u fil-festi.