Hekk kif il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar baqa’ qatt ma ndirizza l-problema ta’ toroq fi stat diżastruż, bil-konsegwenzi jbatuhom ir-residenti, il-Gvern beda jintervjeni hu.
Il-Ħamis beda jingħata l-asfalt fl-ewwel parti ta’ Triq it-Turisti, min-naħa tax-xatt tal-Qawra sa ħdejn il-venda tal-karozzi tal-linja f’Buġibba.
Din it-triq hija waħda mill-iżjed toroq prinċipali u li tara attività, fost l-ewwel 120 triq residenzjali li Infrastruttura Malta se tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena.
L-aħħar li saru xogħlijiet simili f’din l-istess triq kien 22 sena ilu.
Triq it-Turisti hija twila madwar kilometru u nofs, u tinsab fil-qalba ta’ din iż-żona turistika, tant li tibda minn ħdejn il-lukandi ewlenin li hemm max-xatt tal-Qawra u tibqa sejra sax-xaqliba l-oħra fejn hemm il-Knisja Parrokkjali.
Minbarra li hija waħda residenzjali, f’din it-triq hemm għadd ġmielu ta’ postijiet t’akkomodazzjoni għat-turisti, ristoranti, ħwienet u diversi stabbilimenti oħra.
Minħabba l-istat ħażin li tħalliet fih għal dawn is-snin kollha, hemm partijiet fejn it-triq kienet bdiet saħansitra ċċedi.
Għaldaqstant qed jerġgħu isirulha pedamenti aktar b’saħħithom, jiġu mgħoddijin servizzi ġodda għad-distribuzzjoni tal-ilma taħt l-art u jissewwew il-bankini, qabel ma terġa tinbena u jsirilha wiċċ ġdid bl-asfalt.
Wara li titlesta l-parti li diġà ntemmu dawn ix-xogħlijiet fiha u qed tiġi asfaltata, ix-xogħol se jkompli fil-ġimgħat li ġejjin tul il-kumplament ta’ Triq it-Turisti sat-tarf l-ieħor tagħha, ħdejn il-Knisja.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg fakkar illi l-pjan jinkludi aktar investiment f’toroq oħra f’San Pawl il-Baħar li wkoll tħallew fi stat ħażin għal ħafna snin.
Dan hekk kif inkwiet intern li ħakem lill-kunsillieri Nazzjonalisti wassal biex il-Kunsill Lokali ma jindirizzax il-problema persistenti tal-infrastruttura fi ħdan l-istess lokalità.