Il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà soċjali solva każ uniku ta’ tifel li ma kellu lil ħadd min jirreġistrah.
Din l-aħbar ħarġet fil-Parlament waqt id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri mill-Ministru Michael Falzon.
Fil-fatt il-Ministru Falzon spjega kif missier u omm it-tifel li huma barranin, ma ridux jirreġistraw lil binhom.
Il-missier evita li jagħmel dan minħabba li ma riedx jirrikonoxxi lill-ibnu filwaqt li ommu żammet lura minħabba l-kultura ta’ pajjiżha.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Kien każ fejn għal raġunijiet diversi l-omm naturali u kif ukoll il-missier naturali ma kinux lesti li jirreġistrawh. It-tifel kien qed jieħu ħsiebu familja u dawn kellhom persuna bla identità, la tista’ tagħmillu appuntament l-isptar, la tista’ tirreġistrah għal dik li hija skola.
Il-Ministru sostna kif it-triq sabiex tinstab soluzzjoni għal dan il-każ ma kinetx waħda faċli.
Huwa tenna: “Kien każ li kien ġabu għall-attenzjoni tiegħi l-Onorevoli Claudio Grech u ma kienx faċli li wieħed jasal imma fl-aħħar u wkoll bl-intervent tal-ħaddiema tal-FSWS it-tifel ġie reġistrat, għandu l-identità tiegħu llum u hekk allura xi ħaġa li kienet verament ta’ impediment illum ġiet solvuta.”
Il-Ministru Michael Falzon ħabbar dan fl-isfond ta’ emendi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri li daħlet fis-seħħ f’Lulju li għadda.
Spjega kif din il-liġi kienet ilha ma tinbidel 40 sena.
Fost l-emendi ta’ din il-ġimgħa kien hemm dik li tintroduċi rapport mandatorju biex professjonisti jkollhom obbligu jirrappurtaw każijiet ta’ abbuż filwaqt li jkunu protetti bil-liġi.