Il-Gvern permezz ta’ żewġ ftehimiet separati mal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel indipendenti u l-Assoċjazzjoni taċ-Ċentri ta’ Ħarsien tat-Tfal Matul il-Jum Privati, ser ikun qed isostni madwar 2,200 impjieg.
L-ewwel ftehim jolqot ‘l fuq minn 900 impjegat full-time u ‘l fuq minn 180 impjegat part-time li jaħdmu fi skejjel privati.
Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim ukoll, ebda student jew studenta minn dawn l-iskejjel mhuma se jitilfu posthom mill-iskola.
L-edukaturi li jaħdmu fl-iskejjel privati se jkomplu jagħtu t-tagħlim online, bħalma qed jiġri fl-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja.
One News tkellem mal-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonniċi fejn spjega wkoll li fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Coronavirus, mal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel independenti intlaħaq ftehim sabiex il-miżati għall-iskejjel indipendenti jorħsu b’35%
Il-Ministru Bonnici spjega: “Bħala parti minn dan il-ftehim aħna rajna li l-ġenituri li jibgħatu lit-tfal fl-iskejjel privati jew indipendenti jgawdu minn tnaqqis fil-miżata. Fil-fatt aħna ftehmna mal-iskejjel indipendenti li l-ġenituri se jgawdu minn roħs ta’ minimu ta’ 35%.”
Madankollu l-Ministru Bonnici spjega li l-iskejjel indipendenti ser ikunu qed jaraw li l-ġenituri jikkwalifikaw għar-roħs f’din il-miżata.
L-Unjin tal-Għalliema, l-MUT laqgħet b’sodisfazzjon dan il-ftehim u rrikonoxxiet l-impenn tal-Gvern favur dan is-settur u l-edukaturi fl-iskejjel indipendenti.
It-tieni ftehim li sar mal-Assoċċjazzjoni taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum Privati jolqot 778 impjegat full-time u 269 impjegat part-time f’ċentri ta’ matul il-jum privati. Dawn ukoll ser ikunu qed iżommu xogħolhom.
Il-Ministru Bonnici ħeġġeġ sabiex dawn iċ-ċentri privati jibqgħu jipprovdu servizzi u attivitajiet online u jżommu komunikazzjoni mal-ġenituri tat-tfal klijenti tagħhom, kif qed isir fiċ-ċentri amministrati mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi.
Huwa sostna: “Aħna qegħdin inħeġġu liċ-childcarers biex jibqgħu f’kuntatt mal-ġenituri tat-tfal li huma klijenti tagħhom sabiex ikomplu jagħtu s-servizzi partikolarment ma’ dawk li l-iktar għandhom bżonn.”
Fir-rigward ta’ dan l-aħħar ftehim il-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar ukoll irreaġixxiet b’mod pożittiv ħafna hekk kif qalet li issa ġew salvagwardjati mhux biss l-impjiegi ta’ dawn il-persuni iżda wkoll is-sostenibbiltà ta’ dawn iċ-ċentri.
Qalu li grazzi għal dan il-ftehim issa l-industrija ser tkompli timpenja ruħha sabiex tkun ta’ sostenn għall-ġenituri f’din is-sitwazzjoni straordinarja.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/04/18/il-gvern-jintervjeni-biex-isostni-l-fuq-minn-2100-impieg-fchildcare-centres-u-skejjel-privati/