Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) laqqa’ l-imsieħba soċjali u rappreżentanti mis-soċjetà ċivili, b’mod diġitali, sabiex flimkien mal-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri jiddiskutu s-sitwazzjoni preżenti marbuta mal-imxija tal-Covid-19 u l-impatt ekonomiku fuq in-negozji.
Il-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali Carmelo Abela, fil-kummenti tal-ftuħ tiegħu rrimarka kif din il-laqgħa turi s-sinifikat li l-Gvern qed jagħti lid-djalogu soċjali, fejn matul din l-imxija, is-saħħa tad-diskussjonijiet waslu għal riżultati konkreti. Hu nnota li l-Gvern qed jonora l-ftehim importanti li kien milħuq bejn ir-rappreżentati tal-ħaddiema u min iħaddem u jistenna li hekk kif il-Gvern qed joħroġ ir-riżorsi tiegħu sabiex jiġu salvagwardjati l-impjiegi, min iħaddem ukoll irid jagħmel l-isforzi meħtieġa, għal dan il-għan. Fakkar li f’każ li jkun hemm xi kumpanija li ssib xi diffikultà jew tkun tixtieq tbiddel xi kundizzjonijiet tax-xogħol, dan irid isir permezz ta’ diskussjonijiet mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi.
Hu wera l-apprezzament lejn il-maġġor parti tal-kumpanniji li qegħdin jagħmlu sforz ġewnin sabiex isalvaw l-impjiegi tal-ħaddiema tagħhom. Hu saħaq li abbużi minn ċertu impjegaturi mhux ser ikunu tollerati, anke f’dan il-perjodu u l-ftehim li ntlaħaq mal-imsieħba soċjali fl-MCESD, irid jiġi rispettat u kulħadd irid jagħmel l-almu tiegħu sabiex nimxu mieghu. “Irridu b’responsabbiltà inkomplu naħdmu fuq kollaborazzjoni ġenwina li għandha twassalna sabiex inkomplu naħdmu flimkien. Din il-kriżi li ninsabu fiha rridu naffaċjawha u noħorġu minnha flimkien. Jekk naraw ir-riżultati li ksibna bħala pajjiż, dawn ksibnihom flimkien, Gvern, imsieħba soċjali, soċjetà ċivili”, qal il-Ministru. Il-Ministru Abela tenna li huwa biss bl-għaqal li nistgħu bħala pajjiż nirkbu fuq riżultati pożittivi li ksibna. Tkellem kif il-bieb tiegħu huwa dejjem miftuħ għar-rappreżentati tal-imsieħba soċjali u s-soċjeta’ ċivili għad-djalogu. “Aħna nisimgħu bħala Gvern u ħa nibqgħu nisimgħu. Dak li nisimgħu ser nistudjawh ħalli b’hekk inkunu nistgħu noħorġu b’mod b’saħħtu”, qal il-Ministru.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri qal li dan il-perjodu huwa ta’ sfida għal pajjiżna madanakollu l-iktar ħaġa importanti huwa li l-imsieħba soċjali ngħaqdu flimkien sabiex jiġbdu ħabel wieħed. Il-Ministru nnota kif se mill-bidu nett il-Gvern ra li jfassal miżuri ekonomiċi t’appoġġ għan-negozji u self-employed sabiex ikunu ssalvagwardjati l-impjiegi tant li pajjiżna kien minn tal-ewwel li beda joħroġ il-pagamenti. Irrimarka li fit-3 darbiet li l-Gvern resaq quddiem il-poplu, dejjem ressaq pakket finanzjarju ikbar minn ta’ qablu u dan għax il-Gvern sema’ u se jkompli jisma’ sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji. Il-Ministru Schembri qal li tul it-tranżizzjoni minn strateġija ta’ ħruġ għall-istrateġija sabiex tkun stimulata l-ekonomija l-Gvern se jkun qed jibqa’ jgħin lin-negozji għalhekk importanti li kulħadd jimxi id f’id tul dan il-proċess filwaqt li l-Gvern se jkun ta’ spalla.
“Il-proċess sabiex tkun stimulata l-ekonomija se jkun wieħed gradwali u l-miżuri t’appoġġ ekonomiku mhumiex se jitwaqqfu malli negozji jerġgħu jinfetħu iżda se jibqgħu hemmhekk sabiex in-negozji jerġgħu jirkupraw b’mod sostanzjali. F’dan kollu importanti li nibqgħu naħdmu flimkien. Nirringrazzja lill-imsieħba soċjali li qed jiġbdu ħabel wieħed. Huwa l-mertu ta’ kulħadd li flimkien qed negħlbu l-mewġ u qed niksbu riżultati pożittivi” qal il-Ministru.
Fil-kummenti tagħhom l-imsieħba soċjali għaddew ir-rimarki, il-ħsibijiet u l-isfidi li qegħdin jiltaqgħu magħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-tielet pakkett ta’ miżuri finanzjarji li kien ħareġ il-Gvern. Min-naħa tagħhom il-Ministri Abela u Schembri tennew li huma ħadu nota tal-kontribuzzjonijiet imressqa. Appellaw għal iżjed ħidma konġunta ħalli flimkien ikomplu jinstabu s-soluzzjonijiet. Sostnew li l-Gvern ser jibqa’ miftuħ għad-diskussjoni, ħalli wara li jisma’ u jsiru l-istudji, issir l-azzjoni.
Ritratti: DOI/MSD/MEIB