Sa April in-numru ta’ nies jaħdmu full-time tela’ għal 177,751. Dan ifisser li, mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, kien hemm żieda ta’ 22,339 impjieg full-time, dan meta matul ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti, it-tkabbir kien ta’ 11,250 impjieg full-time.
Fi stqarrija l-Gvern qal li dan ifisser li, fi ftit aktar minn tliet snin, l-impjiegi żdiedu b’darbtejn dak li kienu żdiedu f’ħames snin sħaħ.
Fl-ewwel tliet snin ta’ din l-amministrazzjoni, kuljum żdiedu 19-il impjieg full-time. Din hija tliet darbiet ir-rata ta’ ħolqien ta’ xogħol osservata matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Taħt din l-amministrazzjoni kienu s-servizzi privati li wrew l-akbar tkabbir. Tispikka żieda ta’ erbat elef impjieg fis-servizzi amministrattivi, elf u sitt mija fis-servizzi tekniċi u professjonali, elf u ħames mija fis-servizzi finanzjarji, u żieda ta’ elf u erba’ mitt full-timer fl-informatika u l-komunikazzjoni. Kien hemm ukoll tkabbir ta’ elf u tliet mitt impjieg fis-settur tal-bejgħ, elf u sitt mitt impjieg fil-lukandi u ristoranti, u tkabbir ta’ elfejn u mitejn impjieg mas-settur tal-gaming u servizzi oħra.
L-impjiegi fis-settur privat żdiedu bi tliet mija u ħamsin fil-manifattura, u b’disa’ mija fil-kostruzzjoni, żewġ setturi li tul l-amministrazzjoni preċedenti fihom intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Kien hemm ukoll tkabbir qawwi fis-settur privat tas-saħħa u tal-edukazzjoni, b’żieda ta’ elf u sitt mitt impjieg full-time.
Mill-bidu tal-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 19,477 persuna full-time mas-settur privat, li jfisser li disgħa minn kull għaxar impjiegi ġodda nħolqu fis-settur privat. Dan imur għal kollox kontra l-istqarrijiet tal-Oppożizzjoni li t-titjib fil-qasam tal-impjiegi ġej mis-settur pubbliku. L-impjiegi fis-settur pubbliku llum huma 25% tal-impjiegi kollha full-time, meta fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti kienu 27%—għalhekk naqset, u mhux żdiedet, id-dipendenza fuq is-settur pubbliku.
Fl-istess ħin, il-Gvern ma naqasx li jżid ir-riżorsi f’setturi importanti fis-servizz pubbliku. Fost l-oħrajn, imqabbel mal-bidu tal-amministrazzjoni, illum hemm elf u erba’ mitt persuna aktar taħdem fis-saħħa u fl-edukazzjoni pubblika biex jagħtu servizzi aħjar lill-familji tagħna.
Fost l-aktar li gawdiet mit-titjib fis-suq tax-xogħol kien hemm il-gżira Għawdxija fejn kien hemm żieda ta’ aktar minn elf u tliet mitt impjieg full-time. Dan it-tkabbir fi ftit aktar minn tliet snin huwa diġà d-doppju taż-żieda fl-impjiegi li kien hemm f’din il-gżira matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti.
Dawn ir-riżultati jikkonfermaw li l-politika tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol qed twassal għal tkabbir ekonomiku li jissarraf f’bidla pożittiva fil-ħajja ta’ eluf ta’ persuni f’pajjiżna.