Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija kkjarifika li l-Gvern ma daħal bl-ebda mod fit-tfassil jew fit-tħaddim ta’ ftehimiet privati bejn il-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund u kumpaniji privati.
Dan b’referenza għall-istqarrija mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-pazjenti morda bil-kanċer.
Fl-istqarrija ntqal kif filwaqt li messha taf li l-Community Chest Fund hija entità mhux governattiva li topera b’awtonomija assoluta, l-Oppożizzjoni għandha tiddikjara jekk hijiex bi ħsiebha tibda tindaħal fit-tmexxija ta’ din l-entità jekk tkun fil-poter.
Intqal kif il-Gvern mhux se jilgħab dan il-logħob politiku dwar il-pazjenti bil-kanċer bi stqarrijiet irresponsabbli bħal tal-Kap tal-Oppożizzjoni u se jibqa’ kommess li jwettaq politika ffukata fil-qasam tas-saħħa li tilħaq il-bżonnijiet ta’ kull min għandu bżonn.
L-istqarrija temmet tgħid li fuq kollox, b’differenza mill-Oppożizzjoni, il-Gvern se jibqa’ ffukat li b’ħidmietu joħloq il-ġid u jgħin lin-nies.