Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar kif kienu jitqassmu fondi għall-Kunsilli Lokali, fi żmien meta Chris Said kien responsabbli minnhom, jipponta subgħajh direttament lejn l-istess Chris Said u jiċċensurah għal indħil politiku kbir u inaċċettabbli kif kienu jsiru l-affarijiet.
Il-Gvern jinnota li r-rapport tal-Awditur analizza proċessi ta’ tqassim ta’ fondi li jammontaw għal madwar €18-il miljun, ħafna minnhom flus li ma kienux jiġu budgeted.
L-Awditur jgħid li Chris Said kien jindaħal direttament, jinvolvi ruħu fix-shortlisting, fl-evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet u fuq min għandu jieħu xiex. Skont l-Awditur, dan iġib fix-xejn l-indipendenza u l-awtonomija tal-Kumitati ta’ Evalwazzjoni u l-prinċipji ta’ good governance.
Dan kollu kien isir fi sfond fejn ma jittieħdux minuti kif suppost u li bil-kemm wieħed jista’ jasal għal min kienu l-membri tal-Bord ta’ Evalwazzjoni.
L-Awditur Ġenerali jgħid ukoll espressament li kellu riżervi fuq kemm seta’ jemmen l-ispjegazzjonijiet li tah Chris Said meta ffaċċjah b’numru ta’ domandi.
“Dan m’huwiex sempliċi rapport dwar xi nuqqasijiet ta’ natura amministrattiva. F’dan il-każ hemm ċensura mill-Awditur Ġenerali fuq politiku ewlieni tal-Oppożizzjoni,” temm jgħid il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.