Wara sejħa pubblika, li nħarġet fit-13 ta’ Ottubru li għadda, u proċess ta’ għażla minn kumitat apposta ġie rrakkomandat li l-Imħallef Ramona Frendo tiġi nnominata f’isem Malta biex tokkupa l-kariga ta’ mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, feraħ lill-Imħallef Frendo u sostna li l-esperjenza li akkumulat tul dawn l-aħħar snin sservi bħala mħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, żgur se jawguraw tajjeb għall-għażla tagħha.
Issa mistenni jibda l-proċess t’approvazzjoni minn entitajiet konċernati u jekk tiġi approvata f’din il-kariga l-ġdida, l-Imħallef Frendo tibda taqdi l-funzjonijiet tagħha f’Ottubru li ġej.
Il-Ministru Attard irringrazzja wkoll lill-Imħallef preżenti Peter J. Xuereb għax-xogħol li wettaq fl-aħħar sitt snin fil-kariga.