Il-Gvern qed jinnegozja ma’ żewġ proponenti li offrew proprjetà lill-Awtorità tad-Djar, li proponew li bil-ħlas li jieħdu ta’ din il-proprjetà iħallsu djun li għandhom mal-gvern. Din skont sejħa għall-proposti li ħareġ il-gvern fl-2014.
Meta jingħalaq dan il-proċess, ikun hemm 135 post ġdid disponibbli għall-Awtorità tad-Djar. Farrugia spjega li l-Iskop ewlieni ta’ dan L-RFP kien li il-Gvern talab proposti innovattivi minghand il-pubbliku biex ikun jista’ ikollu f’idejh numru ta’ propjetajiet biex jintużaw għal-akkomodazzjoni soċjali f’qasir żmien.
“Dan biex ipatti ghan nuqqas kbir ta’ stock biex iservi madwar 3000 talba għall-housing soċjali li wiret dan il-Gvern minghand l-amministrazzjoni preċedenti,” spjega l-Ministru Michael Farrugia.
Il-Ministru fisser kif proponenti resqu offerti li kienu maqsumin fi tlett kategorji:
1. Il-Gvern jixtri il-propjetajiet dirett mingħand il-proponent (bidder) bil-prezz kummerċjali.
2. Il-Gvern ipartat il-propjetajiet tal-proponent ma artijiet li huma propjeta’ tal-Gvern
3. Ħames proponenti offrew li jbiegħu il-propjetajiet tagħhom lil Gvern u mid-dhul jiskontaw bilanċi pendenti li kellhom jew għad għandhom mal-Gvern.
Wara diversi rapport tekniċi, kien issuġerit li l-ewwel negozjati jsiru ma’ dawn il-ħamsa. Meta ġew avviċinati individwalment, tnejn minnhom iddikjaraw li ma kienux iktar interessati f’din il-proposta filwaqt li ieħor iddikjara li kien laħaq biegħ il-propjetajiet li kien offra. Għaldaqstant l-Awtorita’ bdiet bil-proċess biex tevalwa l-proposti taż-żewg proponenti li kien fadal.
“Bħalissa, ninsabu fl-istadju fejn il-prezzijiet offruti li mhumiex negozzjabbli, qed jigu diskussi maż-żewg proponenti,” qal il-Ministru Michael Farrugia.