Fis-settur tal-akkomodazzjoni, il-Gvern mhux jitfa’ l-problema taħt it-tapit, anzi qiegħed jagħmel interventi sabiex il-Maltin u Għawdxin li jridu jsiru sidien ta’ djarhom ikunu jistgħu jagħmlu hekk mingħajr ma jerfgħu piż żejjed. Din il-ħidma se tkompli ssir u hija possibbli hekk kif il-Gvern se jkun qed jinvesti €43 miljun fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f’forma ta’ skemi u miżuri ta’ għajnuna marbuta ma’ dan is-settur.
Dan stqarru l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarjiet marbuta mal-Budget 2023, bit-tema Malta Ċertezza u Stabbilità.
Fil-fatt, huwa rrimarka kif permezz tal-istess interventi li għamel il-Gvern tul is-snin, eluf ta’ persuni saru s-sidien ta’ djarhom.
Madankollu, spjega kif minkejja dan, is-suq tad-djar kompla jikber, u b’hekk kompliet tikber it-telgħa għal min irid jixtri proprjetà. Minkejja dan, il-Ministru sostna li l-Gvern mhux qed jinjora dawn ir-realtajiet.
Xhieda ta’ dan kienet il-wegħda elettorali mwettqa f’dan il-Budget, fejn first-time buyers li xtraw djarhom din is-sena se jingħataw elf ewro kull sena għal għaxar snin.
Il-Ministru semma’ wkoll kif qed tiġi ndirizzata wkoll anomalija f’dan is-settur, hekk kif persuni b’diżabilità li jirċievu xi forma ta’ benefiċċji, ma kinux eleġibbli għal benefiċċji marbuta mal-akkomodazzjoni. Għalhekk, permezz ta’ dan il-Budget, minn issa ’l quddiem l-introjtu kollu li ġej minn allowances tad-diżabbiltà se jibda jiġi esklużi mit-test tal-mezzi għal skemi tal-Awtorità.
Il-Ministru Galdes tenna li dawn il-miżuri u oħrajn huma xhieda ta’ Gvern b’ruħ soċjali, u qal kif dan il-Gvern qed isostni l-valuri soċjalisti tiegħu bil-fatti.