Ġiet implimentata l-ewwel miżura tal-Budget għal din is-sena li għandha x’taqsam mal-akkomodazzjoni, hekk kif ġie mħabbar li għotjiet li jirċievu persuni minħabba diżabilità mhux se jibqgħu inklużi fit-testijiet tal-mezzi għal skemi tal-Awtorità tad-Djar.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, hekk kif stqarr li din il-miżura se tkun qed tippremja l-bżulija u permezz tagħha, persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, spjega li l-benefiċċji mogħtija b’rabta ma’ diżabilità, b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2023, mhumiex se jibqgħu jingħaddu fil-komputazzjoni tat-test tal-mezzi mill-Awtorità tad-Djar. B’hekk dawn in-nies jistgħu jkunu eliġibbli għall-Benefiċċju tal-Kera.
Zerafa ddeskriva din il-miżura bħala waħda ta’ ġustizzja u inklussività, hekk kif qed tiżdied l-aċċessibilità għall-akkomodazzjoni. Żied li din il-miżura hija parti minn ekosistema sħiħa maħsuba biex tqarreb id-diversi msieħba fil-qasam tal-akkomodazzjoni lejn l-Awtorità tad-Djar.
Il-Ministru Roderick Galdes spjega li minkejja li l-investimenti fis-settur tal-akkomodazzjoni huma essenzjali, dawn m’humiex kollox, hekk kif permezz ta’ miżuri bħal dawn, il-gvern qiegħed jagħmel differenza sinifikanti fil-ħajja ta’ bosta.
Huwa qal li issa la l-gvern indirizza din l-anomalija f’dan is-settur, persuni b’diżabilità għandhom opportunità sabiex jgħixu b’mod aktar awtonomu.
Il-Ministru Galdes spjega kif din il-miżura hija riżultat ta’ gvern li jwieżen lil kulħadd, b’mod speċjali persuni b’diżabilità.
“Fl-aħħar snin, Budget wara l-ieħor, dan il-Gvern ħadem biex għen persuni b’diżabilità billi saħħaħ id-dħul tagħhom, saħħaħ l-allowances, u allura d-dħul tagħhom żdied. Irriżulta li inħolqot anomalija li meta jiġu kkalkulati t-test tal-mezzi marbuta mal-akkomodazzjoni soċjali, skemi tal-kera, jew skemi oħrajn, kien qed jiġi kkalkulat dak id-dħul li jagħti l-istat stess biex itejjeb il-ħajja tal-persuna partikolari.”