Il-Budget li jmiss u dak segwenti jridu jiffukaw fuq tliet affarijiet, it-titjib tal-għejxien tal-poplu, l-iżvilupp tal-ekonomija ta’ pajjiżna u l-konsolidament tal-finanzi tal-Gvern.
Qal dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, t-Tlieta filgħodu fejn ġie diskuss flimkien mal-imsieħba soċjali l-Budget li se jressaq il-Gvern għas-sena d-dieħla.
Fid-diskors tiegħu ġewwa l-Università l-antika fil-Belt, il-Ministru Clyde Caruana tenna li llum il-Gvern qed jiffoka fuq Budget li jħares ’il quddiem mill-pandemija minflok lura.
Dan grazzi għad-deċiżjonijiet importanti fiskali li ħa l-Gvern sabiex iżomm fuq siequ fost oħrajn fis-settur tax-xogħol f’pajjiżna.
Fil-fatt, hawnhekk il-Ministru Caruana tenna li dan il-Gvern tgħallem minn kif ġiet indirizzata l-kriżi tal-2008 u fl-aħħar sena u nofs kien aggressiv fiskalment b’miżuri ta’ għajnuna li jsostnu l-ekonomiju u x-xogħol.
Huwa qal, “Aħna f’dan il-pajjiż dan il-Gvern rajna u ħadna t-tagħlimiet minnha u kien propju għalhekk li meta rajna din il-pandemija ġejja fuqna. B’mod fiskali dan il-Gvern ma qagħadx jevita li jieħu d-deċiżjoni finanzjarji li kien hemm bżonn. Irrid nammetti u rrid ngħid li konna iktar agressivi fiskalment minn kemm kienu l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela rringrazzja r-rappreżentanti tal-MCESD talli ħejjew rapport li jiggwida l-ħidma tal-Kunsill u l-pajjiż.
Il-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali fakkar ukoll li filwaqt li l-Budget huwa pjan ta’ sena hemm bżonn ukoll ta’ tħejjija fit-tul għall-futur sostenibbli f’pajjiżna.
Il-Ministru Abela sostna kif l-eżerċizzju tal-Budget mhux biss eżerċizzju ta’ numri iżda wieħed li jagħti direzzjoni pożittiva.
Huwa tenna: “Irid ikollna dik l-ambizzjoni u dik l-attitudni pożittiva li nibqgħu nibnu fuq it-tajjeb li wettaqna f’dawn is-snin u dik hija l-aspirazzjoni li għandu jkollna lkoll flimkien għas-sena d-dieħla fejn jidħol il-Budget, il-miżuri tal-Budget li jibqa’ Budget li jinċentiva t-tkabbir ekonomiku.