Is-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva laqa’ t-talba li għamel id-Deputat tal-Oppożizzjoni Godfrey Farrugia għal skrutinju fuq l-istorja ivvintata mit-Times of Malta dwar l-estensjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul.
Fi stqarrija s-Segretarjat qal li ma teżisti assolutament ebda diffikultà li l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi u l-Awditur Ġenerali jeżaminaw il-kuntratt imsemmi għaliex huwa ċar li kollox mexa skont il-proċeduri u r-regoli kollha.
Spjega li kif diġà ntqal diversi drabi, f’dan il-proċess ma ngħata l-ebda direct order kif baqgħet tallega waħidha l-gazzetta Times of Malta. L-għoti ta’ dan il-kuntratt sar wara tender pubbliku, maħruġ kemm f’Malta kif ukoll fuq livell Ewropew, u anke wara żewġ appelli li saru quddiem il-Public Contracts Review Board u quddiem il-Qorti tal-Appell, li t-tnejn ikkonfermaw li kienet ittieħdet id-deċiżjoni t-tajba.
Id-diskussjonijiet bejn San Vinċenz de Paul u l-konsorzju li rebaħ it-tender waslu biex, minflok żewġ blokok ta’ 252 sodda u €1.5 miljun kull sena għal għaxar snin, issa l-ftehim huwa ta’ 4 blokok ta’ 504 sodda li se jkunu propjetà tal-Gvern wara tliet snin biss mill-kostruzzjoni sat-tlestija tal-proġett.
Sostna li n-negozjati li saru mbagħad issarfu fi ftehim ta’ management service li permezz tiegħu San Vinċenz de Paul kiseb tnaqqis ta’ 6% fil-prezz li jħallas bħalissa għal kull sodda.
Il-proċess, li sar taħt is-sorveljanza tad-Dipartiment tal-Kuntratti, jikkuntrasta mal-mod kif, per eżempju, kienet approvata l-estensjoni taż-Żejtun Home u tal-Bormla Home b’direct order mogħtija mill-Kabinett ta’ Gvern preċedenti.
Dan il-proġett se jwassal biex titwettaq il-wegħda elettorali ta’ din l-amministrazzjoni li jindirizza l-lista ta’ stennija għal anzjani li għandhom bżonn urġenti ta’ kura f’residenza, fosthom pazjenti b’dimensja u dawk ta’ dipendenza għolja li ma jistgħux jistennew iktar.
Temm billi qal li ħalhekk is-Segretarjat Parlamentari qed iħares ’il quddiem biex, lil hinn mill-istejjer ivvintati, ikompli jaħdem biex jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lil min verament għandu bżonnha.