IL-Gvern laqa’ sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet ewlenin li għamlet il-Kummissjoni Ewropea f’rapport dwar l-iskemi ta’ ċittadnanza u ta’ residenza b’investiment fl-Unjoni Ewropea offruti minn għoxrn stat ewropew.
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet li d-deċiżjoni biex jiġu nnaturalizzati ċ-ċittadini hija d-dritt sovran ta’ kull Stat Membru. Mir-rapport joħroġ ukoll li Malta tispikka bħala dik li għandha programm b’saħħtu.
Il-Gvern innota bi pjaċir li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-benefiċċji ekonomiċi tal-industrija, settur li stqarr li ġġenera bosta opportunitajiet ta’ impjieg madwar l-Unjoni Ewropea u d-dinja kollha. Il-Gvern sejjaħ bħala pass fid-direzzjoni t-tajba biex ikun hemm standards ogħla u aktar regolamentazzjoni fl-industrija madwar l-Unjoni Ewropea. Qal li Malta kienet fuq quddiem nett biex tippromwovi b’mod kontinwu kollaborazzjoni akbar bejn il-pajjiżi hekk kif rakkomandat.
Mill-banda l-oħra l-Gvern qal li ma jaqbilx mad-dikjarazzjoni tar-rapport li ċ-ċittadinanza b’investiment tingħata b’kundizzjonijiet inqas stretti. Wera t-tħassib ukoll dwar il-preżenza fiżika u qal li Malta hi waħda mill-ftit ġurisdizzjonijiet fejn il-preżenza fiżika hi obbligatorja. Sostna li Malta tadotta wieħed mill-aktar proċessi stretti ta’ verifika tant li huwa meqjus bħala l-aqwa wieħed fl-industrija. Qal li Malta taqbel u tappoġġja t-talba tar-rapport għal proċess uniformi bejn il-pajjiżi kollha, u li lesta żżomm moħħha miftuħ biex tkompli ttejjeb dawn il-proċessi ta’ verifika. Qal li Malta mhux biss ikkoperat fit-tfassil tar-rapport tal-Kummissjoni, iżda daħlet ukoll għal numru ta’ impenji biex tkompli tnaqqas ir-riskji.
Innota li Malta hi waħda mill-ftit pajjiżi Ewropej li tippubblika l-ismijiet tal-individwi li jiksbu ċ-ċittadinanza u l-kontrolli tal-applikanti huma pubbliċi wkoll. Il-Gvern saħaq li Malta diġà tat widen għall-ħafna mill-kritika indirizzata lejn dan is-settur, u ħadet l-inizjattiva minn jedda biex iddaħħal miżuri maħsuba biex jindirizzaw il-lakuni msemmija fir-rapport. Il-Gvern fakkar li f’dawn l-ewwel erba’ snin, il-Programm ġġenera dħul ta’ aktar minn €700 miljun, li 70% minnhom qed jiġu investiti mill-ġdid fi proġetti infrastrutturali u soċjali għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri.
Malta tilqa’ l-impenn tal-Unjoni li tibqa’ tosserva lil dan is-settur mill-qrib u se tappoġġja kull azzjoni li ssaħħaħ l-integrità tal-industrija.
Intant, b’reazzjoni għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista qal li l-Kummissjoni Ewropea ħalliet lill-Partit Nazzjonalsita iżolta. Dan għax minkejja d-diversi suġġerimenti li saru mill-Kummissjoni Ewropea l-istituzzjoni Ewropea mkien m’għamlet bħal Adrian Delia u qalet li programmi simili m’għandhomx jeżistu.
Il-Partit Nazzjonalista ta’ Adrian Delia jrid ireġġa’ l-arloġġ lura billi jimmina programm li qed ikun ta’ benefiċju ekonomiku għall-pajjiżna.