Il-Gvern ta’ Malta jilqa’ l-abbozz ta’ opinjoni (draft opinion) tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (magħrufa bħala l-Kummissjoni ta’ Venezja). Il-gvern se jagħti r-reazzjoni tiegħu meta l-Kummissjoni toħroġ id-dokument finali.
Il-Kummissjoni qed tipprepara opinjoni dwar il-qafas kostituzzjonali, is-separazzjoni tal-poteri, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi f’Malta.
Il-gvern jinnota li l-kummenti tal-abbozz ta’ opinjoni jiffukaw fuq liġijiet u sistemi li ilhom hemm is-snin u mhux dwar liġijiet li introduċa l-gvern preżenti. Fejn issir referenza għal liġijiet li saru mill-gvern preżenti, dawn jiġu deskritti bħala pass ’il quddiem.
L-imsemmija opinjoni se tingħata wara talbiet li saru kemm mill-Gvern Malti kif ukoll mill-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u mistennija li tiġi konkluża fil-jiem li ġejjin.
Il-gvern se joħroġ b’pożizzjoni uffiċjali wara l-pubblikazzjoni tar-rapport finali.
Intant, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici – li kien qed jirrappreżenta lill-gvern – indirizza l-117 sezzjoni plenarja tal-Kummissjoni.
Il-laqgħa saret f’Venezja fejn, fost affarijiet oħra, ġie diskuss dan l-abbozz ta’ opinjoni.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Bonnici ta spjegazzjoni tal-qafas kostituzzjonali ta’ pajjiżna, tat-tibdil li twettaq fil-Kostituzzjoni u f’liġijiet oħrajn biex tissaħħaħ id-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u afferma r-rieda tal-gvern li jkompli jwettaq miżuri biex isaħħaħ is-saltna tad-dritt f’ Malta.
Matul is-sessjoni ntqal kliem ta’ tifħir mill-President tal-Kummissjoni ta’ Venezja Gianni Buquicchio u mir-rapporteur Martin Kuijer dwar l-opinjoni dwar Malta lejn il-Gvern ta’ Malta.