F’messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela wara li uffiċjalment tħabbar li l-Papa Franġisku se jkun qed iżur lill-pajjiżna, huwa saħaq li l-Gvern u l-poplu Malti u Għawdxi jilqa’ bil-ferħ din l-aħbar.
Il-Prim Ministru stqarr, “Iż-żjara tal-Papa f’pajjiżna hija aħbar li bħala Gvern, bħala ċittadini ta’ Malta u Għawdex, nilqgħu bil-ferħ.”
Il-Prim Ministru saħaq li kull meta l-Kap tal-Knisja Kattolika żar lill-pajjiżna, pajjiż li għandu rabtiet storiċi, kulturali, soċjali u ta’ identità mal-Knisja Kattolika, dejjem kienet okkażjoni fejn ingħaqadna.
Qal ukoll li l-okkażjoni taż-żjara tal-Papa tfakkarna li dan id-daqxejn ta’ xiber t’art igawdi rispett.
“Dan għandna nagħmluh kemm għax ġej il-Papa f’pajjiżna, kif ukoll għax din l-okkażjoni hija tfakkira ta’ kemm minkejja li aħna pajjiż żgħir, ingawdu ir-rispett tal-Mexxejja dinjin.” Kompla jgħid il-Prim Ministru.
Dr. Abela tenna li waqt l-attivitajiet li se jkunu qed isiru bħala parti miż-żjara tal-Papa għandna nkomplu nersqu lejn xulxin.
Semma kif l-għajnuna lil proxxmu, it-tolleranza u d-drittijiet ċivili huma kollha temi għall-qalb il-Papa Franġisku u li fuqhom jitkellem b’passjoni.
Saħaq li dawn huma valuri li dan il-Gvern ukoll jemmen fihom.
Fi tmiem il-messaġġ tiegħu, il-Prim Ministru tenna messaġġ ta’ għaqda.
“Ejjew nużaw din iż-żjara sabiex dawn il-valuri, li lkoll inħaddnu bħala poplu, inwassluhom bl-aħjar mod fi spirtu b’saħħtu ta’ Għaqda u kburija Nazzjonali.” Temm jgħid il-Prim Ministru.