Fi stqarrija s-Segretarjat għas-Servizzi Finanzjarji Ekonomija diġitali u Innovazzjoni qali li l-Malta.AI Taskforce, li tqabbdet mill-Gvern Malti sabiex tkun responsabbli għat-tfassil tal-istrateġija Nazzjonali ta’ Malta dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, nediet konsultazzjoni pubblika dwar id-dokument li qed tippubblika marbut mal-qafas etiku tal-Intelliġenza Artifiċjali, liema dokument
tfassal mill-grupp legali u tal-etika fi ħdan l-istess taskforce.
Id-dokument, ‘Malta Towards Trustworthy AI’, iħares li jinkorpora r-rispons tal-pubbliku dwar il-prinċipju gwida u ta’ fiduċja dwar l-Intelliġenza Artifiċjali kif preżentati fid-dokument. L-iskop ta’
qafas għal Malta dwar l-etika fl-Intelliġenza Artifiċjali huwa li jkunu stabbiliti linji gwida u ta’ fiduċja fil-governanza tal-Intelliġenza Artifiċjali u prattiċi kontrollati li jistgħu jservu bħala bażi għal l-iddisinjar u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti.
Il-qafas għal Malta b’rabta mal-etika fl-Intelliġenza Artifiċjali tfassal fuq 4 għanjiet:
-Li l-bniedem ikun fiċ-ċentru;
– Rispett lejn ir-regolamenti u liġijiet applikabli u l-valuri demokratċi u drittijiet tal-bniedem;
– Jimmassimizza l-benefiċċji ta’ sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali filwaqt li jkunu evitati u mnaqqsa riskji
– Jimxu mal-istandards internazzjonali u normi marbuta mal-etika dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
Il-gwida dwar Intelliġenza Artifiċjali li hi imdaħħla fil-qafas ta’ Malta marbut mal-etika għall-Intelliġenza Artifiċjali hija konsistenti mal-istandards u gwidi internazzjonali inkluż dawk stabbiliti
fl-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk tal-OECD.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri qed jinkoraġġixxi lill-pubbliku sabiex iressaq ir-rispons u r-rakkomandazzjonijiet li se jservu ta’ għajnuna sabiex jinħoloq il-qafas ta’ Malta dwar l-etika u Intelliġenza Artifiċjali ta’ fiduċja.
Li jkollok qafas dwar l-etika u Intelliġenza Artifiċjali ta’ fiduċja huwa kruċjali għaliex dan iservi ta’ gwida fil-ħolqien ta’ proġetti ta’ fiduċja marbuta mal-Intelliġenza Artifiċjali, però iżjed minn hekk se jkollu parti importanti li jibni fiduċja fost il-pubbliku. Huwa permezz ta’ din il-bażi soda li eventwalment se twassalna għaċ-ċertifikazzjoni ta’ proġetti relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali. Il-
Malta.AI Taskforce qiegħda tagħmel xogħol eċċellenti fl-irwol tagħha għat-tfassil tal-istrateġija Nazzjonali dwar l-Intelliġenza Artifiċjali bil-mira li tpoġġi lil Malta fost l-10 pajjiżi fid-dinja li għandhom strateġija dwar qasam li se jaffettwa kull settur kif nafuh illum”, qal Silvio Schembri.
Ir-rispons jista’ jintbagħat sal-Ġimgħa, 6 ta’ Settembru permezz ta’ email fuq fsdei.opm@gov.mt jew permezz ta’ ittra indirizzata lil: Malta.AI, Financial Services, Digital Economy and Innovation
Office of the Prime Minister, Auberge de Castille, Valletta, VLT 1061, Malta