Il-Gvern qed jikkunsidra li jemenda l-Att li jirregola l-Korp tal-Pulizija, magħrufa bħala Kapitlu 164.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern Carmelo Abela meta kien qed jagħlaq id-dibattitu fit-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati.
Il-Ministru qal li qabel ma ġab din il-liġi fil-Parlament, huwa ddiskutieha mal-Oppożizzjoni għax jemmen li tajjeb li jżomm id-diskussjoni għaddejja.
Huwa qal li jittama li l-gvern u l-Oppożizzjoni jkollhom ukoll diskussjoni dwar liġi oħra li jħoss li għandha tinbidel – dik li tirregola l-korp tal-Pulizija.
“Anke hawnhekk irid ikun hemm diskussjoni dwar emendi għal dan u jekk għadux jagħmel sens li l-Att jibqa’ kif inhu jew inkellha b’xi mod jew ieħor inbiddlu għaż-żminijiet li ninsabu fihom” stqarr il-Ministru.
Huwa qal li jittama li jkun hawn maturità politika u ħadd ma jiddejjaq jitkellem dwar tibdil li l-gvern jixtieq jipproponi għal dan l-att.