Stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali tgħid li l-Gvern qal li qiegħed isegwi b’interess id-dibattitu dwar il-proposta ta’ liġi ġdida dwar il-Media li tħabbret it-Tlieta li għadda u li se twassal għal iktar libertà tal-espressjoni ġurnalistika, billi fost oħrajn tneħħi l-libell kriminali, ddaħħal sistemi ġodda ta’ medjazzjoni fil-libelli ċivili, u tneħħi l-ħruġ ta’ mandati kawtelatorji fil-proċeduri ta’ libelli ċivili.
Il-Gvern għamilha ċara li m’hemm, u qatt ma kien hemm, ebda intenzjoni, la diretta u lanqas indiretta, biex ċittadini jirreġistraw isimhom x’imkien biex ikunu jistgħu jikkummentaw online. Din hi spin qarrieqa li qed jipprova jagħmel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.
L-istqarrija tgħid li dak li qed tipproponi l-liġi l-ġdida hu sempliċiment li, bħalma l-Edituri tal-ġurnali, televiżjoni u xandir ilhom jirreġistraw is-snin, għal iktar trasparenza hekk ukoll jirreġistraw l-edituri tas-servizzi lokali tal-aħbarijiet jew ġrajjiet kurrenti fuq l-internet.
Intant, il-Gvern qal li se jkompli għaddej bil-konsultazzjonijiet u jilqa’ osservazzjonijiet u suġġerimenti dwar din il-proposta ta’ liġi li se tkun qed tersaq għat-tieni qari fil-Parlament.