“Ngħinu lil kulħadd ikompli jimxi ’l quddiem”. Dan kien il-messaġġ li wassal il-Prim Ministru Robert Abela waqt Kabinett man-nies imtella’ f’Dar San Ġużepp, f’Santa Venera, li hi mmexxija mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.
F’din is-sessjoni tal-Kabinett ġie diskuss il-qasam tal-politika soċjali ta’ pajjiżna, li kiber b’mod drastiku fl-aħħar għaxar snin.
Il-Prim Ministru tenna l-valur importanti li l-Gvern ma jħalli lil ħadd jaqa’ lura, xprunat mill-prinċipju tal-ġustizzja soċjali.
“Il-prosperità soċjali, li ssemmiet aktar qabel, nemmen li dak huwa l-għan finali tagħna bħala Gvern u bħala soċjetà b’mod sħiħ. Kif iġġibha l-prosperità soċjali? Fost l-oħrajn billi jkollok aktar servizzi fil-komunità, servizzi b’saħħithom. Għandu xorti dan il-pajjiż, kif stajna naraw ma’ din il-mejda llum stess, li mogħni bi professjonisti mill-aktar b’saħħithom.”
Dr Abela nnota kif l-investiment soċjali, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, kien jiżboq it-tliet kwarti ta’ biljun ewro. Qal li l-ekonomija Maltija trid tibqa’ b’saħħitha biex issostni dan l-investiment.
Spjega kif f’pajjiżna hawn realtajiet soċjali, partikolarment fost il-familji u, bħala Gvern, irridu nkunu hemm biex inġibu bidliet li joffru spalla u jtaffu l-piż ta’ sfidi soċjali. F’dan ir-rigward qal li l-Gvern diġà beda jħares lejn ir-riforma fil-Qorti tal-Familja.
Il-Prim Ministru qal li, filwaqt li jrid jitwieżen iż-żgħir, min telaq jimxi ma jistax jiġi abbandunat, għax ikkunsidrat ma’ tan-nofs u, għalhekk, il-programm soċjali tal-Gvern irid jibqa’ jkun immirat għal kulħadd, inkluż għall-middle-class b’servizzi offruti fil-komunità.
Il-Prim Ministru tenna kif l-għażla li l-Kabinett jitlaqqa’ f’Dar San Ġużepp, immexxijja mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, saret minħabba li din tissimbolizza l-prinċipju tal-ġustizzja soċjali. Fil-laqgħa saru wkoll diversi interventi minn akkademiċi u persuni oħrajn, li għandhom x’jaqsmu mal-qasam soċjali f’pajjiżna u esprimew il-ħsibijiet u l-ideat tagħhom għall-ġejjieni.
Il-laqgħa tal-Kabinett kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, li fisser il-ħidma soċjali bħala l-qalb ta’ kull soċjetà, li tħabbat fejn hemm l-aktar bżonn u li ssostni l-ħajja.
“Essenzjali li kull membru ta’ dik is-soċjetà jkollu livell ta’ għajxien diċenti u li jingħata l-opportunità li jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu. Naħseb li dawk huma żewġ prinċipji fundamentali.”
Fil-bidu tal-laqgħa, saret preżentazzjoni mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù, b’rabta mal-investiment li qed jagħmel il-Gvern f’dan ir-rigward.
Hawn ġie nnotat kif, minkejja li l-investiment kiber fl-aħħar snin, dawk fuq id-dipendenza soċjali naqsu drastikament, waqt li l-effetti pożittivi li ħallew għadd ta’ miżuri introdotti mill-Gvern Laburista, kienu wkoll sinifikanti.
Musù wera kif l-infieq tal-Ministeru żdied minn wieħed punt wieħed biljun ewro fl-2012 għal żewġ biljun ewro s-sena li għaddiet. Għal din is-sena qed ikun stmat li l-allokazzjoni għall-Ministeru se tlaħħaq it-tnejn punt tnejn biljun ewro, jiġifieri l-fondi allokati irdoppjaw f’temp ta’ tnax-il sena.
Ara wkoll: