B’referenza għal stqarrijiet skorretti li qed isiru dwar il-każ ta’ allegat ħasil ta’ flus li bih hemm mixli Aldo Cutajar, ħu s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, il-Gvern għamel numru ta’ kjarifikazzjonijiet importanti.
Intqal kif Aldo Cutajar daħal jaħdem fis-servizz pubbliku għall-ewwel darba fl-1989.
Fl-2004, meta kien Prinċipal Anzjan fil-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, is-Sur Aldo Cutajar tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ miżapproprijazzjoni ta’ fondi, fost oħrajn.
Fit-2 ta’ Frar 2005, Aldo Cutajar wieġeb ħati tal-akkużi fil-konfront tiegħu u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, b’interdizzjoni perpetwa iżda inqas minn xahrejn wara, il-Qorti tal-Maġistrati ddeċidiet li tneħħi l-interdizzjoni perpetwa.
Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku investigat il-każ skont ir-regoli fis-servizz pubbliku u fis-16 ta’ Ġunju 2005 irrakkomandat li l-interdizzjoni imposta fil-konfront tas-Sur Aldo Cutajar titneħħa skont kif iddikjarat il-Qorti.
Il-Kummissjoni qalet li l-persuna in kwistjoni għandha titlef il-paga miżmuma matul is-sospesjoni u tingħata twissija;
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qabel ma’ din ir-rakkomandazzjoni u ffirmaha fl-1 ta’ Lulju 2005.
Wara dan kollu, Aldo Cutajar ħadem f’diversi dipartimenti taħt diversi Ministeri.
Għalhekk il-Gvern preżenti ċċara li mhux minnu li Aldo Cutajar xi darba tkeċċa minn mal-Gvern u reġa’ ddaħħal mal-Gvern, u wisq iktar mhux minnu li ddaħħal lura mal-Gvern wara l-2013.
Il-Gvern qal li 11-il sena wara li l-Qorti tal-Maġistrati neħħiet l-interdizzjoni perpetwa, Aldo Cutajar intbagħat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, fejn kien jaħdem dak iż-żmien, fl-Ambaxxata Maltija f’Beijing.
Dan il-pass sar wara li l-Ministeru rispettiv talab u ngħata r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa mis-Servizz tas-Sigurtà.
Fl-1 ta’ Marzu 2018, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin bagħat lil Aldo Cutajar fil-Konsulat Malti f’Shanghai.
Din il-kariga intemmet fis-7 ta’ Settembru 2019.
Il-Gvern aċċenna wkoll li s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar ma kellu l-ebda konnessjoni mal-ebda ċirkostanza hawn fuq imsemmija.
Il-Gvern jirreferi wkoll għall-istqarrijiet tas-Segretarju Permanenti Ewlieni l-Ħadd fejn iddikjara li ma kellu l-ebda rabta mal-operat ta’ ħuh.
Il-Kap taċ-Ċivil kiteb ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn wera ruħu dispost li jagħti aċċess għal dwar kull materja finanzjarja li tikkonċerna lilu llum jew fl-imgħoddi.
Bħala Kap taċ-Ċivil ordna wkoll li jibdew passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ ħuh, mingħajr ma jkun involut hu.
Il-Gvern qal li huwa konvint li l-istituzzjonijiet indipendenti se jwettqu x-xogħol tagħhom biex issir ġustizzja ma’ min żbalja f’dan il-każ, bħal f’kull każ ieħor.
Intant esponenti Nazzjonalisti fosthom id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u l-avukat Georg Sapiano nfexxew jattakkaw lil Mario Cutajar, il-Kap taċ-Ċivil, qabel il-kjarifika tal-fatti mill-Gvern.
Nifhmu li ż-żewġ esponenti kritikaw bil-lingwa Ingliża ħalli jinftehmu mill-barranin.