Il-Gvern Malti, permezz ta’ delegazzjoni mmexxija mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, fetaħ djalogu produttiv mal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi dwar il-mudell regolatorju għall-użu ta’ kannabis mhux mediċinali li qed jiġi applikat f’Malta.
Id-delegazzjoni Maltija, fi Vjenna fl-Awstrija, kellha l-opportunità tispjega fid-dettall il-prinċipji tal-mudell regolatorju fis-seħħ, li jipprijoritizza l-prinċipji ta’ harm and risk reduction, il-ġustizzja soċjali u s-saħħa pubblika.
Il-laqgħa mal-INCB kienet kordjali, b’enfasi sinifikanti fuq il-kuntatt kontinwu li għandha mal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC), mal-Cannabis Harm Reduction Associations u l-impenn ta’ Malta biex tassigura li l-mudell regolatorju jibqa’ flessibbli biex tilħaq l-għanijiet tagħha, partikolarment li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga fis-suq illeċitu.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg spjegat kif il-Gvern Malti huwa kommess li jkompli jippromwovi mudell regolatorju għall-użu tal-kannabis mhux mediċinali, li huwa msejjes fuq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u s-saħħa pubblika.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ARUC, Leonid McKay enfasizza l-importanza tad-dekriminalizzazzjoni, b’qafas regolatorju li jimmira li jipprovdi settur li jipproteġi dawk l-adulti li jixtiequ jagħmlu użu mill-kannabis b’mod responsabbli u f’ambjent sigur.
Apparti l-laqgħa mal-INCB, id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet ukoll ma’ rappreżentanti minn pajjiżi oħra li wkoll qed jesploraw mudelli regolatorji dwar l-użu mhux mediċinali tal-kannabis.