“Filwaqt li l-Oppożiżżjoni qed tiffoka fuq il-ġimgħa li ġejja aħna qed niffokaw fuq il-ġenerazzjoni li ġejja.” Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, f’kollegament fuq ONE Radio.
“Dan qed ngħamluh permezz tal-investiment u l-progress soċjali,” qal Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru tkellem dwar kif l-aktar punt ta’ sodisfazzjon għalih fl-aħħar jiem kien li għal sena oħra miżuri tal-gvern wasslu biex naqas il-faqar fil-pajjiż.
“Jien din lili timlini b’sodisfazzjon ikbar mit-tkabbir ekonomiku. Għax għalxejn ikollok suċċess ekonomiku jekk il-ġid ma jkunx qed jitqassam u ma jwassalx għall-progress soċjali. Dak hu l-iktar punt ta’ importanza,” qal il-Prim Ministru li nnota l-interpretazzjoni negattiva tal-oppożizzjoni anke dwar din l-aħbar.
Tenna li fadal xi jsir biex jonqsu iktar nies mill-faqar. “Għalkemm issa rnexxielna nħassru ż-żieda fil-faqar li saret fi żmien amministrazzjoni nazzjonalista bejn l-2008 u l-2013,” spjega l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru qal kif dan kollu kien possibbli għal diversi inizjattivi li ħolqu l-ġid. Hawn irrefera kif din il-ġimgħa, fl-Istati Uniti, f’isem il-gvern, għalaq ftehim mal-kumpanija STARR, waħda mill-ikbar fil-qasam tal-assigurazzjoni b’mod internazzjonali.
“Komplejna naħdmu biex nagħmlu l-pajjiżna u l-ekonomija tagħna future proof,” żied il-Prim Ministru li fisser kif dan irid iwassal il-pajjiż f’sitwazzjoni fejn illum ikun imħejji għal dak li se jiġri għaxar snin oħra. Hawn għamel referenza għall-ftehim biex is-sistema taċ-ċertifikati edukattivi tkun qed taħdem permezz tal-blockchain u rrefera wkoll għall-ħidma infrastrutturali li saret u l-proġetti ġodda li tħabbru f’dan is-settur.
Innota kif b’kuntrast għal dan, l-oppożizzjoni reġgħet kienet iktar negattiva.
“Għadni ma fhimtx jew le jekk il-Kap tal-PN iridx l-oppożizzjoni tkun fuq kumitat dwar l-immaniġjar tal-iskart,” qal il-Prim Ministru li reġa’ esprima t-tama li d-deċiżjoni tal-PN li ma jieħux sehem tinbidel.
Intant, meta kien qed jitkellem dwar kif il-Gvern u l-Partit Laburista huma ffokati dwar il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, l-Prim Ministru għamel referenza għal programm LEAD li ġibed ammont sabiħ ta’ nisa interessati fil-politika.